Tnediet ir-raba’ edizzjoni tal-Gozo Ceramics Festival. Għal darb’oħra dan il-festival ser isir fil-bajja tax-Xlendi, nhar is-Sibt 6 ta’ Awwissu. Il-Ministru għal Għawdex esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-festival, li kull ma’ jmur qed ikun ta’ suċċess, sar parti mill-kalendarju kulturali. B’kollox din is-sena hemm 26 esebitur, f’festival li sar sinonimu mal-bajja tax-Xlendi f’dan iż-żmien tas-sena.
Waqt dan il-festival ser ikun hemm diversi ċeramisti li ser ikunu qed jaħdmu x-xogħlijiet tagħhom u diversi esibizzjonijiet ta’ xogħlijiet fiċ-ċeramika. L-esebizzjoni ta’ din is-sena ser issir fil-lukanda St Patricks fix-Xlendi. Ser ikun hemm ukoll spazju hands–on biex it-tfal ikunu mħeġġa jaħdmu ċ-ċeramika. Il-Ministru tenna li din is-sena, kif ġara fl-edizzjonijiet preċedenti, din l-attività ser tattira numru kbir ta’ Għawdxin, Maltin, u anke turisti fil-gżira.
Se jkun hemm ukoll diversi esibizzjonijiet ser ikun hemm il-fjakkolata tax-Xlendi u mużika live minn bands lokali; barra minn dan, il-mitħna sotterranja tax-Xlendi li ġiet restawrata dan l-aħħar se tkun miftuħa għall-pubbliku.
Il-Ministru sostna li din hi attività oħra li se tkun attrazzjoni biex ikompli jissaħħaħ it-turiżmu intern u biex aktar Maltin iqattgħu tmiem il-ġimgħa f’Għawdex.