Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni tal-Beer and Music Fest organizzat mill-Oratory Youths bil-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex, se terġa’ ssir edizzjoni oħra ta’ dan il-festival.
Permezz tal-festival, Pjazza Santu Wistin fil-parti l-qadima tar-Rabat se tingħata l-ħajja b’attività fejn se tiġi promossa l-birra lokali kif ukoll prodotti tipiċi oħrajn.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex impenjat li jkompli jinvesti f’attivitajiet varji madwar Għawdex biex it-talent lokali jkollu pjattaforma u biex ikollna attivitajiet kulturali li jibqgħu għaddejjin mas-sena kollha.
Hu tassew pożittiv li għaqda sportiva tinvolvi ruħha wkoll f’attivitajiet kulturali, grazzi għall-Oratory Youths li reġgħu ħadu din l-inizjattiva biex Għawdex ikompli joffri esperjenzi differenti, f’postijiet storiċi u mimlija karattur bħal Pjazza Sant Wistin.
Joe Micallef, il-President ta’ Oratory Youths, qal li bħala kumitat jixtiequ li din l-attività tidħol b’mod permanenti fil-kalendarju kulturali Għawdxi u li huma kburin li bħala klabb tal-futbol qed jikkontribwixxu biex Għawdex jattira iktar nies biex jikber u jiżdied it-turiżmu u tissaħħaħ l-ekonomija. Is-Sur Micallef irringrazzja lill-Ministru Justyne Caruana talli temmen fil-ħiliet ta’ Oratory Youths u tas-sostenn finanzjarju b’risq l-isports f’Għawdex.