Il-Ministeru għal Għawdex se jorganizza attività ta’ spettaklu kulturali mill-aqwa bl-isem ta’ Gozo Alive. Tlett ijiem ta’ attivitajiet madwar Għawdex kollu bi programm popolari mħejji b’reqqa minn teamapposta li jgħaqqad l-aspetti kreattivi, kuturali u artistiċi flimkien. Gozo Alive se jsir bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Mejju 2018, fl-aqwa tar-rebbiegħa u fi dħul is-sajf.
Waqt li ħabbret dan il-festival, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fissret li l-ministeru jrid joffri spettaklu popolari lill-poplu b’mod li jilħaq l-apprezzament u joħloq divertiment adegwat għall-etajiet u l-gosti kollha. Dan hu mod ieħor kif il-familji Għawdxin u dawk li jżuruna jgawdu atmosfera ta’ ferħ mimlija bl-aqwa talenti lokali u barranin minn oqsma diversi tal-kultura fl-ambjent uniku tal-belt u l-irħula Għawdxin.
Il-qofol tal-ispettaklu se jkun is-Sibt, 19 ta’ Mejju. Matul il-ġurnata, madwar Għawdex kollu, se jsiru spettakli bil-kollaborazzjoni tal-kunsilli lokali. L-avveniment ewlieni se jkun is-Sibt filgħaxija, meta l-kultura popolari tinfirex qalb in-nies billi jerġgħu jintużaw it-toroq u l-ispazji pubbliċi tal-Belt Victoria b’mod innovattiv u kreattiv. Dan jinkludi taħlita ta’ attivitajiet adattati apposta għal siti partikolari madwar it-toroq tipiċi tagħna. Dawk li se jattendu se jesperjenzaw l-aqwa mużika, żfin, arti viżiva, arti diġitali, storja u moda.
Il-Ministru Caruana żiedet tgħid li din hija opportunità oħra fejn il-ministeru jestendi l-ħidma kontinwa tiegħu tul is-sena b’attrazzjonijiet kulturali uniċi li twassalna flimkien lejn l-atmosfera ferriħija tal-istaġun tas-sajf. “Għal darba oħra l-ministeru qed ikun katalist biex iżid l-importanza ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika speċjali tul is-sena kollha”, qalet il-Ministru Caruana.
Il-programm mimli ta’ dan il-festival se jattira lejn Għawdex fost l-aqwa esponenti mużikali lokali fosthom Red Electrick, The Travellers, Ivan Grech and band, u l-parteċipazzjoni esklussiva tal-grupp popolari Ingliż, Rudimental.
Gozo Alive se jirrikonoxxi l-importanza ta’ kull spazju popolari, inklużi knejjes magħrufin, biex joffri aspetti varji ta’ kultura u spettaklu. Dawn jinkludu wirja kollettiva ta’ artisti lokali fil-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani u kunċerti korali f’diversi knejjes u kappelli madwar il-Belt Victoria, kif ukoll spettaklu ta’ moda, teknoloġija diġitali viżiva, u gastonomija. Għawdex ser jilbes libsa li qatt ma rajna bħalha fejn kollu se jkun immobilizzat biex tingħata esperjenza ħajja u vibranti ta’ dak kollu li jista’ joffri Għawdex waqt Gozo Alive.