It-tim nazzjonali Malti tilef ir-raba konfront f’Grupp C ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej 2024 meta kontra l-Ukrajina, Malta tilfet 1 – 0.
Malta kellha wirja pjuttost pożittiva b’prestazzjoni ħafna aħjar minn dik ta’ kontra l-Ingilterra bit-tim Malti f’xi okkażjonijiet anke viċin il-gowl.
Fl-ewwel taqsima t-tim Malti kellu ċans tad-deheb li jmur fil-vantaġġ meta konklużjoni minn pużizzjoni ideali ta’ Jones spiċċat barra. Lejn tmiem l-ewwel taqsima il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Michele Marcolini kellu jwettaq sostituzzjoni sfurzata meta Henry Bonello weġġa u postu ħadu Matthew Grech.
L-ewwel 45 minuta intemmet 0 – 0.
Sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-Ukrajina ingħataw penalty meta Jean Borg deher imiss il-ballun b’idu u wara li k-konsulta mal-VAR ir-referee Ruddy Buquet ordna penalty li minnhu x-xutt ta’ Andriy Yarmolenko stampa mal-lasta.
Dan il-penalty ta’ iżjed kunfidenza lill-Ukreni li mal-ħin komplew iżidu l-pressjoni fuq id-difiża Maltija sakemm fil-69 minuta l-Ukreni ingħataw penalty ieħor fejn Jean Borg deher jwaqqa lil Yarmolenko bir-referee jordna t-tieni penalty li minnhu Tsygankov ma’ żbaljax għal 1 – 0.
Ir-reazzjoni ta’ Malta kienet ineżisteni bil-partita tintemm 1 – 0.
Malta terġa tkun fl-azzjoni fil-12 ta’ Settembru f’Ta Qali kontra l-Maċedonja ta’ Fuq.
Ritratt: Domenic Aquilina