Avtandil Rusia mill-Ġorġja ġie kkundannat 44 xahar ħabs wara li wieġeb ħati li seraq eluf ta’ ewro fi flus kontanti u ġojjellerija minn tmint idjar jew appartamenti minn bosta bliet u rħula Maltin. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Shawn Pawney akkuża lil Rusia li bejn is-17 u d-29 t’Ottubru li għadda wettaq bosta serqiet minn djar f’Ħaż-Żebbuġ, fir-Rabat, f’Tas-Sliema, f’Ħ’Attard, fis-Swieqi, f’San Ġwann u f’Ħal Qormi.
F’kull każ huwa ġie mixli li seraq flus kontanti u ġojjellerija li l-valur tagħhom jaqbel l-€2,300.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joseph Mifsud qies l-ammissjoni bikrija, il-koperazzjoni mal-Pulizija u l-fatt li parti mill-oġġetti misruqa qegħdin għand il-pulizija li l-Qorti awtorizzat li jingaħtaw lura lis-sidien tagħhom.