Ġorġ tal-Mużew, għalaq tlieta u disgħin sena.
Kienu bosta li tul il-jum żaruh f’San Vinċenz de Paul biex jawgurawlu f’għeluq sninu, fejn sabuh b’bukkett fjuri f’idu tal-okkażjoni, u bħal dejjem, ma kellu xejn għajr kliem pożittiv u sens ta’ kuntentizza x’jaqsam.
Minkejja li kien ħerqan biex jinżel jisma’ l-quddies ħalli jkun jista’ jirringrazzja lil Alla għall-għomor li silfu, Ġorġ tal-mużew ħalliena nieħdu ħames minuti mill-ħin tiegħu biex nistaqsuh ftit mistoqsijiet.
F’jum għeluq sninu, bla ebda tlaqliq, Ġorġ qalilna li jinsab lest li jbiegħ iktar enerġija.
“Jien inħossni alright u sod daqs ħajt għax il-bniedem jgħix kuntent, daqs kemm joqgħod attent.”
Ġorġ ra d-dinja tinbidel quddiem għajnejh, u l-parir tiegħu huwa biex bniedem jgħix ħajtu fil-kuntentizza, u ma jagħmilx affarijiet ħżiena.
“Il-bniedem, ikun x’ikun iż-żmien, il-bniedem dejjem jaqbillu jgħix kuntent għax min joqgħod attent isib ruħu mid-dinja stess b’xortieh u kultant il-bniedem qatt ma jaqbillu jgħix ħażin, jinbidlu kif jinbidlu l-ġranet u d-dinja.”
Għalkemm hija tradizzjoni li wieħed jirċievi xi rigal f’jum għeluq sninu, Ġorġ sostna li m’għandu bżonn xejn iktar għaliex jinsab kuntent.
“Jien ninsab kuntent għax noqgħod attent għax jekk ma toqgħodx attent iġorrok il-kurrent meta r-riħ jonfoh mil-Lvant jew mill-Punentu jista’ jkollok saħħa daqs bastiment. Issa l-bniedem għandu dejjem ikollu moħħu kkontrollat għax min hu bla kontroll b’id waħda jorbot u bl-oħra jħoll, mela lsien ħelu u qalb ħanina għandhom ikunu dejjem fina għax l-inkwiet jaħasra ma jgħoddx għalina. Nitkellem bi nhar, norqod bil-lejl u għal grazzja t’Alla jien għandi dan iż-żmien kollu u ma jonqosni xejn.”
U fuq dik l-aħħar nota ħallejna lil Ġorġ igawdi l-ġurnata tiegħu u mar jisma’ l-quddiesa li tant dam jgħidilna fuqha.