Ir-raġel ta’ 35 sena li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu tilef ħajtu traġikament wara li nar qawwi li ħakem blokka appartamenti f’Marsaskala huwa Gordon Spiteri.
Huwa miet waqt li kien qed jipprova jsalva lis-sitt persuni l-oħra li nqabdu fin-nirien. Ikkonfermaw dan sorsi qrib l-investigazzjonijiet li għaddejin dwar dan il-każ.
Sorsi fuq il-post tal-inċident qalu li l-vittma ma kienx ilu żmien twil jgħix fil-blokka u wieħed mill-ġirien żied jgħid li llum, propju fil-jum li fih tilef ħajtu, il-vittma kien ser jiċċelebra għeluq sninu. One News jinsab informat li n-nar tkebbes kawża ta’ heater li kien f’kamra tas-sodda li f’appartament li jinsab fir-raba’ sular tal-blokka.
Fi stqarrija maħruġa mil-Korp tal-Pulizija, instab mixħut mal-art fil-komun tal-blokka tal-appartamenti. Sfortunatament, ftit tal-ħin wara ġie ċċertifikat mejjet fl-Sptar Mater Dei.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr J Mifsud LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Kienu diversi n-nies li ħallew il-messaġġ tagħhom fuq il-profil ta’ Facebook ta’ Spiteri, juru is-sobgħa u n-niket tagħhom għall-mewt traġika tiegħu.