Id-deputat Carmelo Abela huwa l-uniku Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti li ltaqa’ personalment u uffiċjalment ma’ Mikhail Gorbachev wara li sfaxxat l-Unjoni Sovjetika.
Huwa kien iltaqa’ ma’ Gorbachev fil-binja tal-Fondazzjoni Gorbachev f’Moska fl-20 ta’ Awwissu tal-2019, u kien infurmah dwar l-avveniment li kien qed jitħejja f’Malta biex jitfakkar it-30 anniversarju mil-Laqgħa Għolja bejnu u bejn il-President tal-Istati Uniti, George Bush. Dan l-avveniment kien ġie organizzat mill-Gvern Malti biswit il-mafkar tas-Summit f’Birżebbuġa, fil-bidu ta’ Diċembru 2019.
Carmelo Abela qal li huwa kien żar Moska b’impenji uffiċjali u ħass li kien opportun li jinforma lill Gorbachev personalment fuq il-kommemorazzjoni li kienet qed titħejja f’Malta. Huwa jiftakar li Gorbachev kien marid u kien saħabsitra rikoverat, iżda rranġa biex ħareġ mill-faċilità fejn kien rikoverat biex seta’ jilqa’ b’dinjità lid-delegazzjoni Maltija fil-binja tal-Fondazzjoni tiegħu.
Ikkummenta kif Gorbachev kien jidher fraġli meta daħal fil-kamra jimxi bl-għajnuna ta’ frejm, iżda mbagħad kien b’saħħtu, ċar, u profond fi kliemu u fl-atteġġjament tiegħu.
Qal, “Hu wera x-xewqa li jattendi u, fil-fatt, wara li ntemmet iż-żjara, l-ambaxxatur infurmani li kellu telefonata u qalli, “Isma’, jixtieq jiġi Malta.” Għidtlu, “Ambaxxatur, jiena pjaċir tiegħi li jiġi.” Għidtlu, “Ovvjament, naf l-istat tas-saħħa tiegħu, pero l-fatt li jixtieq jiġi ċertament hija xi ħaġa sabiħa li wieħed japprezzaha.” Il-fatt li ma ġiex kien għax it-tobba żammewh… Iżda hu ma waqafx hemmhekk u tana kumment għall-okkażjoni.”
Fil-fatt, dak il-messaġġ irrekordjat ta’ Gorbachev kien l-aħħar wieħed tiegħu lill-Maltin u l-Għawdxin.
Carmelo Abela qal li, wara li sar l-avveniment f’Malta, Gorbachev insista li jorganizza f’Moska attività oħra biex ifakkar is-Summit ta’ Malta. Għal din l-attività stiednu biex jipparteċipa bħala Ministru f’isem Malta iżda, għal raġunijet ta’ kalendarju, ma setax. Madanakollu, ipparteċipa f’isem pajjiżna l-ambaxxatur ta’ Malta għar-Russja, Pierre Clive Agius.
Qal, “L-istorja se tiġġudikah. Issa jkun hemm min jiġġudikah mod tajjeb u jkun hemm min jiġġudikah b’mod inqas tajjeb. Pero, ċertament, li Gorbachev ta l-kontribut tiegħu għall-paċi fid-dinja. Ma fittixx li jingħalaq fl-Unjoni Sovjetika u li jżomm lill-Unjoni Sovjetika kif konna nafuha, imma kien pjuttost persuna li ħalla l-affarijiet jiġru: il-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, il-pajjiżi li kienu parti mill-Unjoni Sovjetika li saru pajjiżi indipendenti reġgħu…”