Nies twajba f’artijiet ħżiena. Hekk huma s-suldati, pulizija u dawk kollha li jservu fix-xogħolijiet tas-servizz.
Dan hekk kif ikollhom iħabtu wiċċhom m’atroċitajiet kbar li jisfurzawhom jagħmlu deċiżjonijiet u jieħdu azzjonijiet kontra qalbhom. Dan hu l-messaġġ li Danilo Levote flimkien ma’ sħabu fl-assoċjazzjoni ‘Good Guys in Bad Lands’ qed jippruvaw iwasslu.
Wara li missjoni f’Balamorghab fl-Afghanistan ħaditilhom lil seħibhom u ħalliet suldat ieħor bi ġrieħi serji lura fl-2011, ħassew il-ħtieġa li permezz tal-midja soċjali jaqsmu l-ġrajjiet li għaddew minnhom waqt battalji f’artijiet fejn il-ħażen tal-gwerra jirrenja.
Danilo Levote, li serva għal għaxar snin fil-Forzi Speċjali Taljani spjega ma’ ONE News kif filwaqt li s-suldat saħansitra jkollu joqtol lin-nies fil-gwerra, dan ma jkunx tort tiegħu iżda tort taċ-ċirkostanzi li jkollu jaħdem fihom.
Levote qal li “ We try to explain to the people, civilian people, the people who doesn’t know what we do exactly over there, so that we are not bad guys, but we are good guys and we have to do something that we don’t want to do but we need to do. We work and we make events to help all our brothers in arms so all the people who were in uniform, for our brothers all over the world, and for that reason we are here”.
Din l-assoċjazzjoni li għandha firxa wiesgħa fuq il-mezzi soċjali, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha ippremjat lis-Surġent Simon Schembri bl-unur internazzjonali bl-isem “LEONIDA”. Dan wara li iddistingwa ruħu bis-servizz tiegħu fil-korp anke wara l-inċident ikraħ li għadda minnu.
Schembri stqarr li “Xi ħaġa sabiħa li l-ewwel Malti li ħa jtuni din l-award internazzjonali u ġejt rikonoxxut minn barra għal dak kollu li qed nagħmel. Bażikament li qed nagħmel qed nagħmlu minn qalbi. Permezz ta’ sħabi wkoll tal-fondazzjoni. Dik hija parti mill-ġurament li kont ħadt jiena meta dħalt pulizija, dejjem biex ngħin lil ħaddieħor”.
Il-premjazzjoni saret fil-preżenza tal-president ta’ Malta, George Vella waqt sparatura fis-shooting range tal-pulizija f’Ta’ Kandja, b’risq il-fondazzjoni ta’ Simon Schembri ‘Blue Light Foundation’. Din kienet imtella’ minn Direct Action Shooting Academy u Elite Spartan Tactical Concept b’kollaborazzjoni ma’ Good Guys in Bad Lands. James Abela mid-Direct Action Shooting Academy spjega kif din kienet opportunità oħra sabiex juru kif mill-isport tal-isparar jista’ joħroġ ħafna ġid. Dan għalkemm fadal stigma li ttappan dan l-isport.
“Aħna dejjem ngħidu illi mhux l-arma hija l-ħażin. Huwa l-persuna l-ħażin. Jekk bniedem irid jagħmel xi ħaġa ħażina m’hemmx għalfejn ikollu arma tan-nar jista’ jkollu affarijiet oħra, kif rajna internazzjonalment. Hemm min uża trakk biex għamel xi ħaġa ħażina”, qal Abela.
Fil-fatt f’pajjiżna kull min jipprattika dan l-isport u għandu armi tan-nar irid ikollu liċenzja u l-armi rreġistrati skont il-liġi.