L-eks Prim Ministru u eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi ddefenda sensiela ta’ deċiżjonijiet li ħa flimkien ma’ nies li għadhom jiddetaw id-direzzjoni tal-Partit Nazzjonalista sal-lum.
Deċiżjonijiet li bihom impona l-awsterità fuq il-poplu meta kellu t-tmexxija tal-Gvern f’idejh.
F’intervista ta’ siegħa fuq ir-radju tal-Knisja ma’ Andrew Azzopardi, Gonzi ftaħar fuq bosta affarijiet li qal li għamel meta kien Prim Ministru.
Biex jiġġustifika l-piżijiet fuq il-poplu qal li l-kriżi li faqqgħet mal-2008 kienet l-ikbar waħda. Skont hu akbar minn dak li ġara waqt pandemija meta bosta negozji madwar id-dinja kellhom jagħlqu kawża tal-imxija.
U anke jekk fi żmien li kien imexxi r-rata tad-dejn kienet ferm ikbar mil-lum, kienet din l-iskuża li uża biex jiddefendi l-politika tal-Partit Nazzjonalista.
Azzopardi: “Però kritikawk ukoll ħafna fuq l-awsterità, lilek?”
Gonzi: “Imma awsterità fis-sens li d-differenza dak iż-żmien kienet, isma’ fl-Unjoni Ewropea u biex isalvaw il-Euro bħala munita l-istruzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea kienu l-pajjiżi kollha jridu jippruvaw iżommu d-deficit tagħhom taħt it-3%.”
Din it-tip ta’ politika għadha r-regola tal-Partit Nazzjonalista tant li l-Kap tal-lum Bernard Grech qal li jekk jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija barra, jogħlew f’Malta u żied ukoll li l-għajnuna tal-Gvern fis-settur mhux sostenibbli.
Bl-istess ħsieb, Gonzi kompla jiddefendi d-deċiżjoni li l-piżijiet jitfahom fuq in-nies għax skontu hekk taħdem il-biċċa.
“Jiġifieri dak iż-żmien aħna, il-piż enormi li kien waqa’ fuqna biex inżommu l-elettriku għaddej, il-fabbriki għaddejjin eċċ, kien jirrekjedi li nieħdu ċertu deċiżjonijiet.”
U bħal ma ddefenda dak li ħa minn but in-nies, iddefenda dak li hu hu sħabu daħlu f’buthom.
Dwar id-deċiżjoni ta’ żieda ta’ €500 fil-ġimgħa lilu nnifsu u lill-Ministri, qal li kellu jispjega aħjar.
Huwa anki ddefenda l-ħatra ta’ Eddie Fenech Adami bħala President ta’ Malta, inqas minn ġimagħtejn qabel ma kien irriżenja minn Prim Ministru.
F’ġimgħa fejn il-Prim Ministru Robert Abela kellu jixhed il-Qorti jiddefendi l-pożizzjoni ta’ Malta fuq l-immigrazzjoni rregolari, bħal Bernard Grech Gonzi tkellem kontra l-politika tal-Gvern Malti għas-settur.
Dwar id-dħul tad-divorzju f’Malta, attakka lil min ried jintroduċih u qabbilhom ma’ ħallelin.
“Nippruvaw indaħħluhom bil-kwiet hekk, qisna xi ħalliel, qed ibexxaq il-bieb ħalli ħadd ma jaqbadna. Hekk irridu nagħmlu? U fil-każ tad-divorzju hekk ġara.”
Fl-intervista ma ddejjaqx anki jgħid li fil-Parlament huwa vvota kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu fir-referendum li approva d-dħul tad-divorzju.
F’mument minnhom qal hekk.
“In-nies illum jinsew.”