L-eks Prim Ministru u l-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi qal li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għandu jpoġġi t-tmexxija tiegħu għal test. F’mument ta’ krizi u inkwiet kbir fil-Partit Nazzjonalista reġa tfaċċa Lawrence Gonzi li mar jitkellem mat-Times of Malta dwar il-ġejjieni ta’ Adrian Delia. Dan wara l-ikbar t-telfa elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia, fejn saħħansitra tilef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.
Lawrence Gonzi iddikjara dan f’intervista mat-Times of Malta. Fl-2013, il-Partit Nazzjonalista tilef l-ewwel telfa kbira fl-Elezzjoni Ġenerali. Huwa kien irrizenja meta tilef bil-kbir l-Elezzjoni Ġenerali.
Gonzi, persuna qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, ingħaqad ma’ għadd ta’ esponenti nazzjonalisti li qegħdin jgħidu li Delia u l-klikka tiegħu fil-Partit Nazzjonalista għandhom jirrizenjaw. Mat-Times, Gonzi qal li mir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew seta’ jinduna li hemm faxxa kbira ta’ Nazzjonalisti li ma ħarġux jivvotaw biex jibagħtu messaġġ b’saħħtu lill-Kap Nazzjonalista u lit-tmexxija tal-Partit.
Għaldaqstant, Lawrence Gonzi jaħseb li Adrian Delia għandu jgħaddi minn ezerċizzju fejn ipoġġi t-tmexxija tiegħu għall-ġudizzju. Jekk Delia jiġi ikkonfermat mill-ġdid irid jagħlaq dan il-kapitlu u jsaħħaħ il-Partit Nazzjonalista għal sentejn oħra. Lawrence Gonzi żied li bħalissa l-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu numru tas-sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’urġenza u b’kuraġġ, b’rispett lejn il-valuri.