L-Ewroparlamentari Portugiża Anna Gomes spiċċat thedded bil-pulizija lil min jitkellem dwar dak irrapportat fuqha minn sit li jinvestiga l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea.
L-euanticorruption.com allega li waqt żjara fil- Każakstan, l-MEP Gomes dehret qrib nies li jaħdmu għal frodist biljunarju li l-każi tiegħu ħasdu d-dinja finanzjarja.
Ma setax jonqos li din l-aħbar iġġib reazzjonijiet diversi anke għax Gomes tpoġġi lilha nnifisha fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-frodi.
Saħansitra ilha żmien tagħti l-impressjoni li trid tgħallem lill-pajjiżna u targumenta li lil min joħroġ l-informazzjoni rridu niddefenduh.
Iżda, lil min tkellem dwar hekk, Gomes hedditu bil-Pulizija. Dan fi sforz ċar biex issikktu.
F’risposta lid-deputat Rosianne Cutajar, li ma qagħditx lura milli timmarka l-ipokresija ta’ Gomes, l-MEP Portugiża qaltilha li se titlob lill-pulizija jinvestigawha. Skont hi se titlobhom jinvestigaw lil kull min qiegħed jipprova jħammiġha fosthom lis-sit li rrapporta dwarha.
Gomes kienet deskritta bħala politiku ipokrita.
Dan wara li aġixxiet b’mod li qajjem is-suspetti ta’ ġurnalisti Ewropej meta f’Settembru kienet il-Każakstan bħala parti minn delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Hemm hi dehret ma’ Gaini Yerimbetova, persuna li hija magħrufa għall-fatt li taħdem taħt l-influwenza tal-frodist Mukhtar Ablyazov. Fir-rapport jissemmew ukoll nies li qegħdin il-ħabs.
“Dan kollu jpinġi stampa ta’ allarm,” jingħad ċar u tond. Fil-fatt, saret il-mistoqsija għaliex uffiċjal għoli tal-Unjoni Ewoprea u MEP, Viċi Ċermen ta’ kumitat fuq il-kriminalità finanzjarja, qiegħda qrib nies li jaħdmu taħt l-influwenza ta’ frodist magħruf b’każi kontrih li jlaħħqu l-ħames biljun dollaru Amerikan inkluż mill-Qorti ta’ Londra.
“Huwa ta’ sfortuna li Gomes tidher li qiegħda tappoġġja dawn l-isforzi,” jgħid ir-rapport b’referenza għal kampanja li għaddejja biex il-frodist jidher vittma.