L-ewroparlamentari Portugiża Ana Gomes, magħrufa għal kemm tagħmel allegazzjonijiet li mhux minnhom, tant ħaditha bi kbira li xi ħadd ikkritikaha li saħansitra kitbet lill-Europol.
F’laqgħa ta’ kumitat parlamentari t-Tlieta filgħodu Ana Gomes kienet diġà qalet li se tikteb lill-pulizija fil-Belġju u l-Portugall.
Iżda, issa rriżulta li kitbet ukoll lill-Europol biex tinsisti li rapporti dwarha f’sit elettroniku bl-isem euanticorruption.com mhuma xejn għajr fake news. Dan anke jekk hi stess irrikonoxxiet li ntbagħtulha l-mistoqsijiet u weġbithom.
Saħansitra Gomes trid il-Europol jinvestigaw u fl-ittra tagħha semmiet ukoll lid-deputat Rosianne Cutajar.
Dan għax fuq il-midja soċjali Cutajar iffaċċjat lil Gomes b’dak irrapportat. Jidher li Gomes xejn ma kienet komda bil-kritika fil-konfront tagħha u iktar milli twieġeb marret tiġri biex tipprova tfittex bil-pulizija lil min irrapporta.
Gomes kienet akkużata li aġixxiet b’mod li qajjem is-suspetti ta’ ġurnalisti Ewropej meta f’Settembru kienet il-Każakstan bħala parti minn delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Hemm hi dehret ma’ Gaini Yerimbetova, persuna li hija magħrufa għall-fatt li taħdem taħt l-influwenza tal-frodist Mukhtar Ablyazov. Fir-rapport jissemmew ukoll nies li qegħdin il-ħabs.
“Dan kollu jpinġi stampa ta’ allarm,” jingħad ċar u tond. Fil-fatt, saret il-mistoqsija għax uffiċjal għoli tal-Unjoni Ewoprea u MEP, Viċi Ċermen ta’ kumitat fuq il-kriminalità finanzjarja, qiegħda qrib nies li jaħdmu taħt l-influwenza ta’ frodist magħruf b’każi kontrih li jlaħħqu l-ħames biljun dollaru Amerikan inkluż mill-Qorti ta’ Londra.