Ħarġet il-kanzunetta uffiċjali tal-iSpecial Olympics Malta Invitational Games 2022.
Il-kanzunetta, li tnediet minn mart il-Prim Ministru u President tal-iSpecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela, jisimha ‘Going for Gold’ u hija kantata mill-artista lokali rinomata Ira Losco.
Il-lirika f’din il-kanzunetta titkellem dwar id-determinazzjoni ta’ kull atleta biex mhux biss jasal fil-ħajja personali tiegħu iżda anke fix-xena sportiva.
Iktar minn hekk, twassal messaġġ favur l-abbiltajiet ta’ kulħadd.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-kumpless sportiv tal-Kottonera, mart il-Prim Ministru rrimarkat ukoll li filwaqt li l-kanzunetta hija marbuta ma’ tema sportiva, għandha l-għan li tispira kuraġġ f’kull qasam tas-soċjetà sabiex kull persuna tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha fil-ħajja minkejja l-isfidi li jiġu quddiemha.
Qalet, “Going for Gold għandha messaġġ b’saħħtu ħafna għaliex fiha qed nemfasizzaw l-abbiltajiet ta’ kulħadd li fil-ħajja, minkejja d-diffikultajiet li kull wieħed u waħda minna, jista’ jkollu kulħadd… huwa kapaċi li jilħaq id-deheb. Kulħadd għandu abbiltajiet differenti, kulħadd għandu kapaċitajiet differenti u, meta ningħaqdu flimkien l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet ta’ kulħadd nistgħu nagħmlu affarijiet kbar.”
Minn naħa tagħha, Ira Losco sostniet li din il-kanzunetta tħejjiet bl-għajnuna tal-atleti, li taw il-kontribut tagħhom għall-istil, il-lirika, u l-andament tal-kanzunetta. Filwaqt li għen fil-lirika, Howard Keith Debono kien fdat ukoll bil-produzzjoni ta’ din il-kanzunetta.
L-iSpecial Olympics Malta Invitational Games 2022 se jsiru bejn l-14 u t-18 ta’ Mejju. Aktar minn 1,000 atleta minn 23 pajjiż se jipparteċipaw f’sitt dixxiplini differenti.
Dr Lydia Abela ħeġġet lill-poplu Malti biex ikun wara dawn l-atleti u joffri l-appoġġ tiegħu, speċjalment lill-kontinġent Malti. Qalet li l-isport, li huwa mod effettiv li jassigura ħajja sana u b’saħħitha, se jkun qed jgħaqqad lill-atleti kollha f’pajjiżna u joffrilhom esperjenza tad-deheb, kif jixirqilhom.
Dr Lydia Abela ppreżentat midalja tad-deheb lil Ira Losco bħala sinjal ta’ apprezzament lejha u għall-involviment tagħha f’dan il-logħob.