F’żewġ sentenzi tal-Qorti, Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams inżammu responsabbli ta’ kliem dispreġjattiv u malafamanti fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.
Dan wara li fuq kitbiet fuq Facebook, l-esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Leone Ganado għajjar lil Cutajar bħala qaħba.
Fost oħrajn huwa kien kiteb il-kliem “prostitutes and call girls” b’referenza lejn Rosianne Cutajar.
Ganado għajjar lil Cutajar fuq il-paġna ta’ facebook ta’ Rachel Williams.
Ganado u Williams weħlu ħames mitt ewro bejniethom filwaqt li Ganado ġie ordnat iħallas tliet mitt ewro oħra.
Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello qalet kif dan il-kliem issarraf fi tmaqdir li jeżawtora l-limiti ta’ kritika aċċettabli għal persuna pubblika u li l-frażi minnha nnifisha hija ta’ kalibru li hija kapaċi tikkawża ħsara serja lir-reputazzjoni ta’ Cutajar.
B’reazzjoni għas-sentenzi tal-Qorti, is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar stqarret li llum il-Qorti tat rebħa lil kull tfajla u mara hekk kif ikkonfermat li mhux ġustifikabbli li tgħajjar mara bħala qaħba, sempliċiment għax hi mara.
Qalet kif il-messaġġ hu ċar li l-ebda mara m’għandha taċċetta dan it-tip ta’ lingwaġġ fil-konfront tagħha.