L-esponent tal-Blue Heroes u tal-establishment li tikkontrolla lill-Kap Nazzjonalista, Godfrey Leone Ganado infexx jattakka bi kliem dispreġjattiv lill-President ta’ Malta Dr George Vella.
Leone Ganado għamel dan permezz ta’ kumment fuq Facebook taħt post mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech dakinhar li fl-attività ‘Milied Flimkien’, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż wasslu messaġġi lill-poplu Malti u Għawdxi bl-awguri tagħhom għal dan iż-żmien ta’ festi.
Fil-fatt, fil-post li tella’ l-Kap Nazzjonalista, maġenbu jidher il-President ta’ Malta George Vella.
Kien dan ir-ritratt li qanqal din ir-reazzjoni mill-aktar negattiva minn Leone Ganado, magħruf għall-qrubija tiegħu mal-establishment Nazzjonalista.
Fil-kumment tiegħu, Leone Ganado indirizza lil Bernard Grech hekk.
“Ma niflaħx nara lil dak l-ipokrità ta’ President Laburist li hemm bilqegħda ħdejk.”
Huwa qal dan filwaqt li semma lil Daphne Caruana Galizia.
Din mhux l-ewwel darba li Ganado infexx f’attakki pubbliċi u ta’ tgħajjir intiżi biex joħolqu mibgħeda jew jaqdu l-iskopijiet tal-establishment Nazzjonalista.
Fost oħrajn f’sentenza tal-Qorti, Godfrey Leone Ganado nżamm responsabbli ta’ kliem dispreġjattiv u malafamanti fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.
Dan wara li mill-ġdid, permezz ta’ kitbiet fuq Facebook, l-esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Leone Ganado għajjar lil Cutajar bħala “qaħba.”
Ganado kien intuża mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil biex b’mod kostanti jattakka wkoll lil Adrian Delia b’riżultat li dan tal-aħħar kien tqaċċat minn Kap Nazzjonalista u minfloku jitpoġġa Bernard Grech.
Fil-fatt, huwa kien qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jeħles mill-eks Kap Adrian Delia.
Leone Ganado kien qal ukoll li l-Malti għandu jiġi kkunsidrat bħala lingwa barranija.