Godfrey Abela u Gordon Stanmore bdew il-Malta Premier League of Darts bl-aqwa mod possibbli hekk kif rebħu ż-żewġ logħbiet li lagħbu f’din l-ewwel ġurnata ta’ logħob.
Abela għeleb lil Tony Borg u Kevin Spiteri bl-istess skor ta’ 4-2 filwaqt li Stanmore għeleb l-isfida ta’ George Ebejer 4-1 u Kevin Aquilina 4-3.
F’logħbiet oħra li ntlagħbu, Norbert Attard rebaħ 4-1 lil Kevin Spiteri iżda tilef 4-2 kontra Tony Borg.
Mill-banda l-oħra, Enrico Scerri għeleb lil missieru Albert Scerri 4-2 b’dan tal-aħħar li patta bil-kbir hekk kif iddomina l-konfront kontra George Ebejer 4-0.
Finalment, Omar Aquilina għeleb lil Kevin Aquilina 4-1.
Fis-sezzjoni femminili, il-favorita Althea Ciantar għelbet lil Marconia Zammit 4-0 filwaqt li Liliana Abela rebħet 4-2 kontra Pauline Tonna.
Il-logħob, li qed isir fil-Ċentru tal-Laċċi fiż-Żejtun, ikompli nhar l-Erbgħa meta tintlagħab it-tieni ġurnata.