Hamrun Spartans komplew bis-sensiela ta’ riżultati pożittivi meta għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals għalihom, jaslu wieħed f’kull taqsima. B’hekk issa huma jinsabu temporanjament fil-quċċata tal-klassifika bi 32 punt.
Kienet rebħa ferm meritata għall-Isparatns immexxija mill-coach Luciano Zauri, li kienu huma li ħolqu l-aktar azzjonijiet denji ta’ nota tul id-90 minuta, kuntrarju għall-Pawlisti li ħolqu żewġ azzjoni perikolużi biss fil-partita, fejn permezz ta’ waħda minnhom wasal il-goal minn penalty lejn tmiem il-partita.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fit-13-il minuta meta freekick insidjuż ta’ Uros Duranovic stampa mal-mimduda u għal ftit ma qabiżx il-linja, bil-Pawlisti jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-21 minuta fetħu l-iskor hekk kif Steve Borg, wara li k-kontrolla b’xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali spara l-ballun fix-xibka.
L-Spartans għal ftit ma’ rduppjawx l-iskor meta fil-43 minuta xutt mid-distanza ta’ Jonny, kważi ħasad għal kollox lill-goalkeeper żagħżugħ u neo-akkwist ta’ Hibernians, Hugo Sacco, li nqabad barra minn postu, iżda l-ballun intemm barra.
Kien biss fit-58 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota mill-Pawlsiti meta freekick b’saħħtu tal-Grieg, Giannis Bastianos, għadda ftit għoli. Hamrun wieġbu tliet minuti wara meta cross-shot insidjuż ta’ Luke Montebello ġie interċettat minn Sacco.
Hamrun komplew jippressaw u fid-69 minuta xutt minn ġol-kaxxa ta’ Jonny ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Sacco.
L-Spartans issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal fl-84 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali ta’ Ryan Camenzuli li ma ta l-ebda ċans lil Sacco, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji Ħamruniżi.
Kontra x-xejra tal-logħob, fil-ħin miżjud, Hibernians, rebħu penalty, li minnu inkariga ruħu, Jurgen Degabrielle li ma żbaljax, hekk kif permezz ta’ xutt ċentrali b’saħħtu tefa’ ġewwa.
Referee: Glen Tonna
BOV Plejer tal-Logħba: Steve Borg (Hamrun)