Wara telfa ta’ 2-0 fid-‘Derby l-Antik’ kontra Floriana, Sliema Wanderers, irritornaw għar-rebħ meta kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Hibernians, biex komplew jikkonfermaw staġun mill-aktar diżappuntanti għal dawn tal-aħħar.
Kienet rebħa meritata għall-Wanderers, bl-iskor saħansitra seta’ kien akbar favurihom, hekk kif fost oħrajn laqtu l-wieqfa, proprju żewġ minuti biss qabel irnexxielhom jiskorjaw il-goal tar-rebħa.
Huma dehru impostati ferm tajjeb fil-ground minn kull lat, b’Hibernains, b’kuntrast għal dan jiddiżappuntaw għall-aħħar fejn naqsu milli jkunu avventurużi, hekk kif ħolqu azzjoni waħda biss denja ta’ nota tul id-90 minuta. li minnha sabu x-xibka, iżda l-goal tħassar minħabba foul fl-attakk.
Kien biss fid-19-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, bi Sliema Wanderers, ikunu huma li joħolqu l-periklu meta freekick ta’ Joseph Minala, intemm għoli. Huma komplew fuq l-offensiva u fis-27 minuta Vito Plut kellu xutt dijagonali minn ġol-kaxxa li ntemm barra.
Hibernians wieġbu fil-45 minuta u kellhom ferħa bla temma meta Rodney Antwi ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper tal-Wanderers, Rashed al Tumi, u tefa’ ġewwa iżda r-referee Alex Johnson innota foul min-naħa tal-istess Antwi u b’hekk ħassar dan il-goal.
Fit-tieni taqsima, Sliema bdew jipproduċu l-isbaħ logħob u fil-65 minuta, kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta l-iskorer prolifiku Sloven Vito Plut kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu li stampa mal-wieqfa, bil-Pawlsiti jeħilsuha ħafif. Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda, żewġ minuti biss wara meta xutt mill-ewwel ta’ Denis Kouao ma’ ta’ l-ebda ċans lill-goalkeeper tal-Pawlisti, Ibrahim Kone, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bil-Wanderers ikomplu jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Alex Johnson
BOV Plejer tal-Logħba: Denis Kouaou (Sliema W.)