Ġiet imnedija skema ġdida bl-isem ta’ Go To Market Programme, bil-għan li sservi ta’ għajnuna finanzjarja għar-riċerkaturi li jwettqu proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.
L-iskema toffri total ta’ €1.5 miljun. Tħabbret mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija b’kollaborazzjoni mal-Bank Malti għall-Iżvilupp, u tagħmel parti mill-programm ta’ fondi Nazzjonali FUSION.
Din hija wegħda oħra mniżżla fil-manifest elettorali u tal-Budget 2022 li twettqet.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando qal li dan il-fond se jgħin riċerkaturi Maltin jiżviluppaw u jottimizzaw l-ideat innovattivi tagħhom.
Iċ- Chairman tal-Malta Development Bank, il-Professur Josef Bonnici qal li kien ta’ sodisfazzjon kbir li ikollaboraw mal-MCST sabiex jagħtu spinta lill-ekonomija Maltija.
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-iskema attenda l-Ministru tal-Edukazzjoni , Sports, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.