Wara inqas minn ġimgħa mill-ħsarat li ġarrbet GO fuq iż-żewġ submarine cables tagħha, GO qed tħabbar investiment ġdid multi-miljunarju li se jwassal għat-tielet submarine cable. Dan l-iżvilupp importanti minn GO mistenni jagħti dimenzjoni ġdida lill-konnettività internazzjonali ta’ Malta mal-bqija tad-dinja.
Kuntrarju għaż-żewġ sistemi ta’ submarine cables li hemm bħalissa, din is-sistema ġdida se jkollha konnessjoni doppja. Dan ifisser li għall-ewwel darba fl-istorja tat-telekomunikazzjoni f’Malta, il-pajjiż se jkollu konnessjoni internazzjonali ta’ high-speed fibre kemm lejn il-Punent kif ukoll lejn il-Lvant tal-Mediterran.
Kif il-proġett jitlesta, din is-sistema ġdida se tkun qed tgħaqqad lil Malta ma’ Marsilja, lil hinn mill-konnessjoni tradizzjonali ma’ l-Italja, kif ukoll ma’ l-Eġittu. Id-diversità ta’ dan l-investiment tinsab ukoll fil-fatt li b’differenza mis-submarine cables li bħalissa jgħaqqdu lil Malta mill-kosta tal-Lvant tal-gżira, din is-sistema ġdida se tkun l-uniku cable li jipprovdi konnettività internazzjonali mill-kosta tal-Punent ta’ Malta. Ix-xogħolijiet fuq il-produzzjoni ta’ dan il-cable, kif ukoll it-tħejjijiet kritiċi fuq l-infrastruttura fiżika diġa bdew.
Iċ-ċirkostanzi tal-ġimgħa l-oħra, li kellhom impatt fuq is-servizzi kollha ta’ l-internet ta’ GO, kemm dawk fissi kif ukoll dawk tal-mobile internet, telefonati internazzjonali, servizzi ta’ roaming, kif ukoll ċerti servizzi marbutin mal-qasam tan-negozju, kienu meqjusa minn GO bħala “estremi u straordinarji” li saħansitra wasslu lill-kumpanija biex tiddeċiedi li tħassar l-attività annwali tal-Milied għall-800 impjegat tagħha. Fil-fatt, miljiet ta’ impjegati baqgħu l-uffiċċju sabiex jilqgħu għaċ-ċirkostanzi tekniċi u jgħinu sabiex is-servizzi ta’ GO jerġgħu lura għan-normal fl-iqsar ħin possibbli.
GO bħalissa topera żewġ submarine cables internazzjonali li jqabbdu lil Malta ma’ Sqallija. Iż-żewġ cables huma maħsuba sabiex f’każ li wieżed minnhom ikollu l-ħsara, is-servizz jinqaleb għal fuq it-tieni cable b’mod awtomatiku.
Koinċidentalment, it-tieni submarine cable li jismu GO-1 u li jispiċċa fuq in-naħa tal-punent ta’ Sqallija kien inawgurat ftit iżjed minn għaxar snin ilu, fl-2008. Dan l-investiment ġdid fit-tielet submarine cable mistenni jsaħħaħ is-servizz lin-negozji u l-klijenti Maltin u kif jitlesta, se jnaqqas drastikament ir-riskju li dak li ġara il-ġimgħa l-oħra jerġa jirrepeti ruħu.
“Bħala leader f’dan il-qasam, GO għal darb’oħra qed terġa’ tirrispondi għall-ħtieġa tal-pajjiż għal infrastruttura ta’ telekomunikazzjoni b’saħħitha. Dan l-investiment multi-miljunarju se jippromwovi lil Malta bħala ċentru assolut fil-Mediterran għat-telekomunikazzjoni u n-negozju. GO se jibqa’ jkollha rwol attiv bħala wieħed mill-ikbar investituri fil-vjaġġ ekonomiku tal-pajjiż,” qal Nikhil Patil, il-Kap Eżekuttiv ta’ GO.