GO plc rebħet il-premju International Investment Award mill-Aġenzija Ċiprijotta għall-Promozzjoni tal-Investiment (CIPA). Dan l-unur jirrikonoxxi l-impatt pożittiv li kellha GO fuq is-suq Ciprijott tat-telekomunikazzjoni permezz tal-investiment tagħha f’Cablenet, il-kumpanija privata ewlenija li tforni servizzi ta’ internet broadband, telefonija fissa u HD TV diġitali. Iċ-Chairman ta’ GO Deepak Padmanabhan ingħata l-premju waqt iċ-ċerimonja li saret fil-Palazz Presidenzjali f’Nikosija li matulha attenda l-President ta’ Ċipru, Nicos Anastasiades.
Il-CIPA International Investment Awards, organizzati flimkien ma’ Gold Magazine, pubblikazzjoni ewlenija Ċiprijotta fis-suq tan-negozju, tonora investituri internazzjonali, individwi u kumpanniji għall-kontribut sinifikanti li jkunu taw lill-ekonomija Ċiprijotta. Sa mill-2012, total ta’ 36 CIPA International Investment Awards kienu ppreżentati lil organizzazzjonijiet li investew direttament f’Ċipru u ħolqu element ta’ valur miżjud għall-ekonomija, jew stabbilixxew l-operat tagħhom u provdew impjiegi f’Ċipru, jew ipprovdew servizzi lill-investituri internazzjonali u għenu biex jiġbdu investiment barrani lejn Ċipru.
L-investiment ta’ GO f’Ċipru beda fl-2014 bl-akkwist ta’ 25% ta’ ishma kapitali ta’ Cablenet, flimkien mal-proviżjon ta’ €12,000,000 f’self li nbidlu f’ekwità flimkien mal-għażla li GO tikseb il-kontroll tal-maġġoranza tal-ishma. F’Jannar 2016, il-Bord ta’ GO qabel li jbiddel is-self f’ekwità u li jeżerċita l-għażla li jikseb kontroll tal-kumpanija permezz tal-kisba tal-maġġoranza tal-ishma.