Il-kumpanija GO iddikjarat lil Malta bħala “True Fibre Island” hekk kif ġie konkluż b’suċċess proġett nazzjonali, li ilu għaddej 13-il sena biex il-pajjiż kollu jkun kopert bit-teknoloġija tal-fibre.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-binja l-ġdida tal-GO fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel, fejn intqal li b’aktar minn 371,000 dar konnessa, il-kumpanija rnexxielha twassal il-fibre optic f’kull lokalità f’Malta u Għawdex, b’investiment ta’ iżjed minn €100 miljun.

Dan il-proġett kien jinvolvi t-tqegħid ta’ ’l fuq minn 10,800 kilometru ta’ fibre cable, fejn kienu ddedikati aktar minn miljun siegħa xogħol għall-bini u t-trasferiment tas-servizz fil-postijiet tal-klijenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GO, Nikhil Patil, saħaq dwar l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dan il-proġett.
“It is a huge investment of time and effort. €100 million, one million hours, but it’s amazing as we stand in a way where we require a lot of data that needs to be moved around and I think as we embark on that journey, having a true fibre network that can carry 10gb, is very important. This is actually laying out the foundation for the next 100 years.”
Nikhil Patil, Kap Eżekuttiv, GO

Il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, spjega kif dan il-proġett kien beda f’Ħal Lija fl-2012 u issa l-GO qed tinvesti f’żewġ prodotti ġodda ta’ veloċità għolja.
“Meta qed nitkellmu fuq pajjiżi tal-futur, pajjiżi li nħarsu lejn servizzi innovattivi u ġodda, qed nitkellmu fuq pajjiżna. Malta, li s’issa hi l-ewwel waħda li għandha fibre connectivity mal-pajjiż kollu.”
Il-Ministru Silvio Schembri