GO plc ippubblikat ir-rapport finanzjarju tagħha għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, fejn irreġistrat profitt ta’ €14.3 miljun. Dan hekk kif, fl-istess perjodu kellha dħul globali ta’ €113.5 miljun.
Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni nnotat li, minkejja s-suq kompetittiv ħafna, l-andament wassal għal riżultati b’saħħithom u jikkonfermawha bħala waħda mill-aħjar prestazzjonijiet fuq il-Borża ta’ Malta.
GO qalet li se tkompli għaddejja b’aktar investimenti f’oqsma, bħal infrastruttura tan-netwerk, id-drittijiet tax-xandir u fit-trasformazzjoni biex issir kompletament diġitali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Nikhil Patil, qal li se jibqgħu impenjati bl-iskop li Malta ssir aktar diġitali fejn ħadd ma jitħalla lura.
Hu qal ukoll li l-persentaġġ ta’ residenzi fuq in-netwerk tal-fibre optic tal-kumpanija tela’ minn 78.5% fl-aħħar tal-2023 għal 87% f’Ġunju li għadda u dan il-proġett multi-miljunarju mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2024.