GO ppreżentat applikazzjoni lill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) biex tiġi allokata spectrum ta’ 800 MHz. L-allokazzjoni ta’ dan l-ispectrum se tippermetti lil GO biex tniedi servizzi 4G+ fuq bażi kummerċjali f’żoni ta’ densità għolja ta’ popolazzjoni.
Stefan Briffa, Senior Manager Regulatory Affairs ma’ GO, qal, “L-allokazzjoni tal-ispectrum ta’ 800 MHz, li se jġib lil Malta konformi mal-iskjerament li għaddej bħalissa fis-servizzi ta’ 4G+ madwar l-UE, se tkun pass ewlieni ’l quddiem u se tippermetti lil GO tipprovdi servizzi 4G+. Wara reviżjoni tal-applikazzjoni ta’ GO, l-MCA għadha kif ippubblikat sejħa pubblika għal espressjonijiet ta’ interess. Dan jipprovdi lill-operaturi l-oħra l-opportunità li jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom stess tal-ispectrum qabel it-tnedija ta’ servizzi kummerċjali 4G+ f’Malta. Kwalunkwe sottomissjoni tkun assessjata mill-Awtorità, li mbagħad tiddetermina kif ikun allokat l-ispectrum. M’għandna l-ebda dubju li l-Awtorità se tissorvelja dan il-proċess, b’mod diliġenti u professjonali, li se jkun jeħtieġ għadd ta’ xhur. Naturalment aħna se nikkooperaw bis-sħiħ biex niżguraw eżitu b’suċċess għall-applikazzjoni tagħna.”
GO dan l-aħħar ħabbret li qed tinvesti €100 miljun mifruxa fuq ħames snin biex taġġorna u ttejjeb l-infrastruttura. Dan minbarra l-investiment ta’ €240 miljun li diġà sar matul dawn l-aħħar għaxar snin. Dan l-investiment diġà wassal biex GO tkun rikonoxxuta bħala l-aqwa u l-iktar netwerk ċellulari veloċi f’Malta. GO issa lesta li timxi lejn il-pass li jmiss, u twassal servizzi 4G+ f’żoni madwar Malta u Għawdex fejn hemm l-ogħla domanda. GO ilha tipprepara għal dan l-iżvilupp u tinsab lesta u mħejjija biex tniedi s-servizzi kummerċjali 4G+ dak il-ħin stess li l-MCA talloka l-ispectrum li qed jintalab.