B’reazzjoni għall-aħbar li l-kumpaniji Melita u Vodafone se jingħaqdu, GO plc qalet fi stqarrija li din l-amalgamazzjoni għad trid tkun evalwata u, eventwalment, tkun meħtieġa l-approvazzjoni tal Awtorità Maltija għall–Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal–Konsumatur [MCCAA].
GO stqarret, li l-kumpanija tifhem ix-xewqa ta’ operaturi oħrajn fis-suq Malti biex jikkonsolidaw in-negozju tagħhom.
GO qalet li minkejja tinsab f’qagħda tajba biex tiffaċċja dawn l-iżviluppi, qalet li jeħtieġ li tingħata importanza biex jinżamm ambjent regolatorju u kompetittiv.
L-istqarrija kompliet tgħid li hemm regoli ċari ħafna dwar il-kompetizzjoni, kif ukoll jeżistu preċedenti li jiggwidaw lir-regolaturi f’ċirkustanzi ta’ amalgamazzjoni bħal din. GO stqarret li hi fiduċjuża li l-awtoritajiet rilevanti se jsegwu dawn l-prinċipji tul dan il-proċess. Qalet ukoll li se tkun qed tieħu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni biex ikun żgurat li l-kompetizzjoni tkun imħarsa u ma jkunx hemm ostakli li jistgħu jillimitaw kompetizzjoni effettiva bil-ħolqien, jew tisħiħ, ta’ xi pożizzjoni dominanti.