Il-Grupp GO Group ippubblika r-riżultati għall-ewwel sitt xhur tas-sena li ntemmet fit-30 ta’ Ġunju 2016. Dawn juri titjib fil-prestazzjoni, aktar dħul u qligħ, kif ukoll titjib fin-numri ta’ klijenti.
Id-dħul tal-Grupp għall-istess perjodu laħaq €76.7 miljun (2015: €60.7 miljun). Fl-istess waqt, id-dħul qabel ma jitnaqqsu l-imgħaxijiet, it-taxxa, id-deprezzament u amortizzazzjoni żdied għal €29.9 miljun (2015: €25.1 miljun), filwaqt li l-qligħ qabel it-taxxa żdied għal €17.1 miljun (2015: €13.0 miljun).
GO kisbet dħul aktar b’saħħtu min-negozju tagħha stess tat-telekomunikazzjoni, permezz ta’ tkabbir fil-qasam tar-retail, kif ukoll f’attivitajiet ta’ bejgħ wholesale.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ GO Yiannos Michaelides qal: ‘’Tkabbir bħal dan hu xprunat minn investimenti sostanzjali kontinwi fl-infrastruttura tan-network, esperjenza superjuri għall-klijenti, u pakketti attraenti li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni tal-klijenti tagħna.’’
Iċ-Chairman ta’ GO Deepak Padmanabhan qal: ‘’Il-Grupp qed isegwi strateġija ċara u ffukata biex ikabbar in-negozju tat-telekomunikazzjoni tiegħu f’Malta, kif ukoll fi swieq oħra. ’Ir-riżultati tagħna, li huma b’saħħithom b’mod konsistenti, mhux biss juru l-validita’ u l-mertu tal-istrateġija ta’ GO, hekk kif il-Grupp qed ikompli joffri valur lill-klijenti, lill-impjegati u lill-azzjonisti, imma anki jawguraw tajjeb ħafna għall-futur.’’