Uffiċjal għoli tal-Ġnus Magħquda wera t-tħassib tiegħu minħabba l-possibilità li bosta tfal li qed jistennew li jiġu evakwati minn żona ikkontrollata mir-ribelli fil-kapitali Sirjana, Damasku qed jintużaw għal skambju biex jinħelsu priġunieri tal-gwerra.
Il-mibgħut speċjali tal-Ġnus Magħquda għas-Sirja saħaq li hu mifhum li bosta ribelli qablu li jeħilsu għadd ta’ ħaddiema tal-Gvern leali lejn il-President Sirjan Bashar al-Assad filwaqt li jiġu evakwati numru ta’ tfal.
Madwar erba’ mitt elf persuna ilhom assedjati sa mill-elfejn u tlettax f’pajjiż maħkum minn ġlied mdemmi li ħalla wkoll eluf ta’ persuni mejta.
Sadanittant l-uffiċjal tal-Ġnus Magħquda saħaq li l-gwerra ċivili fis-Sirja kienet ukoll gwerra kontra l-professjoni medika.
Dan għaliex it-tobba u l-infermiera qajla tħallew isalvaw il-ħajjiet waqt il-gwerra.