Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, u s-Sindku ta’ Pembroke, Kaylon Zammit, żaru ż-żona fejn qed isir il-proġett għal spazju ġdid aħdar biex ikun jista’ jitgawda mill-familji, dak ta’ Ġnien William Harding.

Dan il-proġett hu wieħed minn ħafna spazji li qed jinħolqu mill-Gvern għall-komunitajiet Maltin. Bħalissa jinsabu għaddejjin fl-aqwa tagħhom ix-xogħlijiet f’din iż-żona fejn il-ġnien pubbliku se jkopri mad-9,000 metru kwadru.
Fost ix-xogħlijiet ta’ trasformazzjoni, iż-żona qed tiġi riġenerata permezz ta’ materjal li jippermetti l-ilma tax-xita jiffiltra b’mod naturali, filwaqt li jippromwovi immaniġġjar sostenibbli.
Il-post se jinbidel biex itejjeb il-biodiversità u joffri aċċessibbiltà fi spazju ta’ rikreazzjoni u rilassament.

F’Settembru li għadda, Project Green organizzat numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mar-residenti ta’ Pembroke biex tispjega d-dettalji tal-proġett, filwaqt li tisma s-suġġerimenti tar-residenti.
“Hawnhekk, f’Pembroke, qegħdin nitkellmu fuq iż-żona ta’ kważi 9,000 metru kwadru li tinsab f’art żviluppabbli, jiġifieri setgħet inbniet li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Lands, imma, minflok, flimkien mal-Kunsill Lokali, Project Green qegħda tbiddel żona li kienet kollha konkrit għal dak li se jkun ġnien, mhux biss għall-komunità ta’ Pembroke, iżda għal dawk il-familji li jkunu qed iżuru din l-area.”
Il-Ministru MIriam Dalli
Il-maniġer tal-proġett, Joseph Borda spjega kif ix-xogħol beda permezz tat-tneħħija tal-konkos u, minflok, tpoġġiet ħamrija biex, eventwalment, il-pass li jkun imiss hu dak ta’ tħawwil ta’ siġar u pjanti.
Waqt li wera s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-ġnien se jitgawda mir-residenti u se jservi ta’ pulmun aħdar fil-lokalità, is-Sindku ta’ Pembroke rringrazzja lill-Gvern tal-inizjattivi li qed jieħu favur l-ambjent.