Qed isiru xogħlijiet biex Ġnien Spencer fil-Marsa, li fih 11-il tomna u li huwa meqjus bħala pulmun għal-lokalità, se jkun mgħammar b’mod aktar sostenibbli filwaqt li se jkollu sistemi aħjar ta’ sikurezza.
Malli jinfetaħ mill-ġdid, dan il-post se jservi ta’ eżempju għal ġonna oħra madwar pajjiżna.
F’termini ta’ ilma u dawl, il-Ġnien se jirrispetta aktar l-ambjent, b’sistema li tbaxxi d-dawl meta ma jkunx hemm bżonnu.
Tlesta wkoll ġibjun, filwaqt li ieħor qed jitħaffer. Dawn bejniethom se jifilħu madwar nofs miljun litru ilma. Barra minn hekk, se tiġi installata sistema ta’ irrigazzjoni bit-taqtir, li se tinkludi bir li l-ilma ta’ ġo fih se jkun ilma li jissaffa minn ġo vaska li se tkun fl-istess ġnien.
Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll panelli solari, biex ikopru d-domanda ta’ dawl li l-ġnien jeħtieġ.
Dan flimkien ma’ pannelli li jilqgħu għall-istorbju li jiġi mit-triq, sabiex l-atmosfera fil-ġnien tkun waħda kalma u kwieta, li sservi ta’ mistrieħ.
Il-proġett qed isir mill-kunsill lokali tal-Marsa b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ippjanar, l-ERA. Id-Direttur tal-Corporate Services tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Daniel Cilia, tkellem ma’ ONE News aktar fid-dettall dwar il-pjan għal dan il-ġnien u dwar l-isfidi li ltaqgħu magħhom.
“Tul it-triq se ninstallaw noise barriers biex, kemm jista’ jkun, ikun hawn iżjed kwiet fil-ġnien għal min jiġi hawnhekk. L-iskop tagħna huwa kemm nies ta’ uffiċini, kemm tfal tal-iskejjel. Se jkollna wkoll pannelli solari biex innaqqsu d-domanda tad-dawl li jkun hemm għal dan il-ġnien stess.”
Huwa spjega wkoll li l-knatan li nqalgħu se jintużaw biex jinbnew il-kmamar.
Spazji differenti issa se jesebixxu wkoll speċijiet ta’ flora u fawna differenti, unklużi wħud li kienu spiċċaw mill-Marsa.
Is-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, spjega aħjar is-sistemi tas-sigurtà li se jħarsu lil dan il-ġnien u lil dawk li se jżuruh.
“Ħdimna ħafna bil-għaqal. Dan il-ġnien se jibda jiftaħ u jagħlaq bil-ħin, u allura se jkun hawn aktar sigurtà, kameras il-ħin kollu, u se jkun hawn watchman min-naħa tal-ERA, anke 24/7.”
Dan il-proġett kien wegħda tal-Kunsill Lokali, flimkien ma’ Ġnien Belvedere, fil-Marsa stess, u mistenni jitlesta s-sena d-dieħla.
Ix-xogħol qed isir taħt is-sorveljanza tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, minħabba li kienu nstabu fdalijiet storiċi.