Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-aġenzija tal-Gvern Project Green u l-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera, ittellgħet l-attività ‘No Tricks. Just Treats’, fl-okkażjoni ta’ Halloween, b’kompetizzjoni wkoll tal-kostumi.
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, li spjega kif il-ħidma tal-aġenzija, ma tiqafx biss mar-riġenerazzjoni tal-ispazji miftuħa, iżda qed tagħti lura l-ħajja lil dawn l-ispazji għat-tgawdija tal-familja kollha.
Hu rrefera għal diversi attivitajiet li ġew organizzati anke tul ix-xhur sajfin, fosthom ‘Unplugged’ u ‘Wirt in-Natura’.
“Proprju hawnhekk f’Santa Venera, bil-kollaborazzjoni u bil-ħidma tal-Kunsill Lokali, flimkien ma’ ħafna għaqdiet tal-volontarjat Vendriżi, fi Ġnien Romeo Romano, ittellgħet din l-inizjattiva tant sabiħa, ta’ Halloween. Irridu nkomplu naraw lin-nies igawdu dawn l-ispazji ta’ kwalità.”
Sadanittant, il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera ħadem ukoll fuq xogħol artistiku biex tinħoloq atmosfera tal-biża’ għal din il-festa, fost diversi stands li ġew armati.
Dwar dan tkellem aħjar, Kursten Dimech, Kunsillier f’Santa Venera.
“Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera qed jorganizza din l-edizzjoni ta’ Halloween, bl-għajnuna tal-Iscouts Santa Venera u l-għaqdiet ta’ din il-lokalità, qegħdin ingawdu l-frott li ftaħna t-tieni parti tal-ġnien li ġie inawgurat minn Project Green.”