Spazju miftuħ f’San Pawl il-Baħar b’madwar 2,700 metru kwadru fuq medda ta’ art li setgħet tkun kummerċjalment żviluppata nbidel fi ġnien, permezz tal-ħidma mill-aġenzija Project Green.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-Ġnien Kacey Sciberras f’San Pawl il-Baħar, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli sostniet kif dan il-ġnien huwa eżempju ieħor ta’ aktar spazji ħodor, aċċessibbli u viċin għan-nies. Hija qalet kif il-Gvern qed ikompli joħloq spazji miftuħa fl-urban, fejn qed jintlaħqu madwar 3,200 residenza f’distanza ta’ 10 minuti mixi.
F’dan il-ġnien twaħħal tagħmir għal-logħob tat-tfal magħmul minn zkuk ta’ siġar u injam riċiklabbli. Tħawlu wkoll diversi siġar u arbuxelli, u l-ġnien huwa attrezzat b’dawl iġġenerat mix-xemx, biex ikun aktar sostenibbli.
Għal dan il-ġnien ġew maħluqa wkoll numru ta’ passaġġi ġodda b’għadd ta’ bankijiet b’uħud minnhom adattati biex persuni b’wheelchair ikollhom spazju wkoll mal-mejda.
Il-perit responsabbli mill-proġett Cheryl Camilleri qalet li minn żona mitluqa issa ir-residenti jistgħu jgawdu ftit ħin ta’ rilassament fi spazju li seta’ faċilment inbidel f’binja peress li jinsab fiż-żona tal-iżvilupp.
Il-ġnien issemma għal Kacey Sciberras ta’ 17-il sena, li tilfet ħajjitha f’diżgrazzja sentejn ilu li kienet attiva fil-festa u kienet membru fil-Kumitat Festa Marija Sultana tal-Martri f’San Pawl il-Baħar.