Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes inawgura ‘Ġnien il-Pjanti Maltin’ u l-proġett ta’ studju u konservazzjoni ta’ varjetajiet tal-pjanti lokali.
Dan il-proġett ta’ €2.6 miljun, kofinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, jinkorpora wkoll fih ċentru tal-viżitaturi u laboratorju ġdid għall-ittestjar taż-żrieragħ fiċ-Ċentru tal-Bijoteknoloġija tal-Pjanti, f’Ħ’Attard.
Is-Segretarju Parlamentari Galdes spjega kif il-proġett jiffoka fuq għadd ta’ razez u dak li jissejħu ‘qraba naturali’, kemm ta’ pjanti kkultivati kif ukoll ta’ speċi selvaġġi indiġeni li jinsabu mhedda u f’riskju li jintilfu.
Dan il-ġnien se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku aktar tard din is-sena, u hu mfassal f’oqsma differenti li jirrappreżentaw pajsaġġi differenti tal-ambjent rurali Malti.
Laboratorji ġodda u ċentru tal-viżitaturi
Parti oħra importanti minn dan il-proġett hu l-bini u tagħmir ta’ laboratorju taż-żerriegħa biex jittestja l-purità taż-żerriegħa. Il-proġett itejjeb ukoll laboratorji oħra diġà eżistenti li jistudjaw il-batterji, viruses, l-insetti, dud, il-fungi u l-mofof tal-pjanti. Dawn il-laboratorji jgħinu biex jiġu individwati mard u pesti li jagħmlu ħsara lill-pjanti lokali.
Il-proġett jinkorpora wkoll ċentru tal-viżitaturi fi ħdan l-istess ġnien. Dan se jkollu diversi faċilitajiet edukattivi fosthom media room bl-aħħar teknoloġija u sala tal-konferenzi.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes temm jgħid li b’dawn il-faċilitajiet, il-proġett se jattira diversi żjarat ta’ studenti ta’ kull età u b’hekk ikompli jitkattar aktar għarfien fuq il-pjanti Maltin.
Ritratt: DOI Charles Zammit