B’investiment ta’ madwar miljun ewro, il-Gvern qed jirrestawra Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid.
Ġnien ta’ tletin tomna, għal bosta moħbi, li se jingħaqad mal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid permezz tal-hekk imsejjaħ ‘Green Corridor’, passaġġ li nfetaħ bħala parti mill-proġett ta’ Raħal Ġdid u li se jkun mgħammar b’siġar u pjanti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet u Gvern Lokali Silvio Parnis innota kif dan il-ġnien mhux se jservi ta’ bandli imma ta’ post ta’ mistrieħ u rikreazzjoni.
Fil-fatt ix-xogħol fuq dan il-ġnien jinkludi għadd ta’ passaġġi, ħitan tas-sejjieħ, dwal u bankijiet.
Ma’ dawn se jingħaqad ġibjun li jesa’ mitejn u ħamsin elf litru ta’ ilma. Ġibjun li qed isir bħalissa, u li l-ilma għalih se jiġi mill-pjazza ta’ raħal ġdid – fejn hemm ġibjun ieħor – u l-Green Corridor.
Dan il-ġnien se jkollu wkoll sistema ġdida ta’ irrigazzjoni, biex permezz tal-ilma fil-ġibjun, jissaqqew is-siġar u l-pjanti ta’ ġo fih. Siġar li se jiżdiedu, hekk kif żoni għerja se jimtlew b’siġar ġodda li se jitħawlu hawn.
Il-Perit tal-proġett tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, Christopher Mintoff, spjega kif dan il-ġnien laqa’ fih sitta u għoxrin mill-erbgħa u erbgħin siġra li kien hemm fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid. Pjazza li fiha diġà tħawlu erbgħa u tletin siġra, u li għad fadal iżjed x’jitħawlu.
F’dan id-dawl is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima, spjega bħala inġusta l-kritika li nqatlu s-siġar, u tenna r-rieda li l-Green Corridor jinkludi fih mhux biss siġar, imma anke l-hekk imsejħa ġonna vertikali.
Irringrazzja wkoll il-Gvern li se jipprovdi ħaddiema sabiex dan il-ġnien jinżamm fl-aqwa stat.
F’din l-okkażjoni, minbarra l-approvazzjoni għall-ħidma sfiqa li qed issir f’dan il-ġnien, il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera nnota kif għalaq il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-protezzjoni tas-siġar, u wara li nstemgħu il-partijiet kollha, fil-jiem li ġejjin l-abbozz finali se jkun diskuss fil-Kabinett, biex imbagħad tittella’ fil-Parlament.
Abbozz li se jżid il-lista ta’ siġar protetti, iżid il-multi u l-pieni għal min jaqla’ dawn is-siġar, jinkludi regoli u l-bżonn ta’ permess għal żbir ta’ ċertu siġar, u klawżola fejn f’xogħlijiet infrastrutturali l-ERA tista’ timponi kundizzjoni fuq il-kuntrattur u l-Gvern fejn jekk jintmessu siġar, dawn iridu jitħawlu mill-ġdid, jew jitħawlu iżjed siġar.
B’hekk is-siġar f’pajjiżna jkunu ppriservati.