Sa l-aħħar ta’ din is-sena d-daħla tal-Belt Kapitali, fil-Floriana ser tkun qed tara ġnien ta’ rikreazzjoni ġdid, sabiex b’investiment ta’ madwar €10 miljun mill-privat, il-familji Maltin u Għawdxin ser jingħatalhom lura spazju miftuħ.
Dan il-ġnien li kien sempliċiment xaft ta’ parkeġġ fuq l-MCP, se jkun mgħammar b’diversi siġar antiki u indiġeni Maltin, fosthom taż-żebbuġ li għandhom madwar tmien mitt sena, tal-ħarrub li għandhom madwar mitt sena u anke tal-palm.
Minbarra l-proġett tal-ġnien, il-parkeġġ tal-MCP se jkun qed jara wkoll żieda ta’ erba’ mitt post għall-parkeġġ ġdid sabiex itaffi wkoll ftit ieħor mill-piż tat-traffiku u parkeġġ fil-Kapitali.
Id-direttur tal-MCP, Salvu Ellul spjega li dan il-ġnien se jkun aċċessibli wkoll għal ġnien ieħor li hemm biswit il-monument tal-ajkla.
“Il-ġnien se jkun aċċessibli għall-pubbliku miftuħ u mgħaluq qatt. Aħna se nieħdu ħsieb il-manutenzzjoni tiegħu. L-aċċess ħa jkun li mill-ġnien tal-monument tal-ajkla għall-ġnien tagħna se jkun hemm bridge li jitgħaqqad ma’ dan il-ġnien biex wieħed ikun jista’ jimxi minn ġnien għall-ieħor.”
Il-Ministu għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan hu proġett kurċjali mis-settur privat li minnu l-Gvern se jkun qed jieħu mitt parkeġġ.
“Hawnekk qed naraw kif dan il-Gvern jiżgura li kull min ikun ta’ kelma mal-poplu u pajjiż irid iżommha u filfatt l-operatur żammha mingħajr daqq ta’ trombi għandek anke parkeġġ li żdiedu erba’ mitt spazju u l-gvern ħa jieħu mija minnhom sabiex jara kif iqassamhom mal-entitajiet li jaħdmu fil-viżinanzi iżda l-importanti li ġie msaqqaf u qed jingħata dan il-ġnien.”
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet Chris Agius li qal li dan il-ġnien se jikkumplimenta ġonna oħra li hemm fil-madwar.
Huwa saħaq fuq l-importanza li diversi artijiet qed jingħataw lura lill-pubbliku u jiġu trasforamti f’żoni ħodor u miftuħa.