F’Raħal Ġdid ġie miftuħ ġnien kbir li se jkun iddedikat għall-persuni li tilfu ħajjithom bil-Covid-19.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-ġnien, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal kif sa issa ġa nżergħet 500 mitt siġra u pjanta u hemm sistema apposta għat-tisqija tal-ilma.
Hawnhekk, anke fil-preżenza tas-Supretendet għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, Chris Fearne ta ħarsa lejn kif pajjiżna amministra b’suċċess il-pandemija f’dawn l-aħħar sentejn.
Ħaġa li wkoll ġiet innutata mill-awtoritajiet barranin, inkluż l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u l-Unjoni Ewropea.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif is-sitwazzjoni tal-pandemija bħalissa tinsab taħt kontroll u dan jixhduh in-numru baxxi li qed ikun hemm ta’ persuni pożittivi li jeħtieġu l-kura fl-isptarijiet.
Hawnhekk huwa qal li bħal pajjiżi oħra, Malta f’dawn il-jiem irreġistrat żieda fil-każijiet fosthom kawża tat-temp kiesaħ u spjega kif kollox jindika li n-numru fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jistabbilizzaw.
Il-Ministru għas-Saħħa, anke meta kien qed isemmi ir-rilaxx ta’ restrizzjonijiet li se naraw mix-xahar id-dieħel, qal kif fl-10 ta’ April spettaturi f’attivitajiet sportivi m’hemmx għalfejn joqogħdu bilfors bilqiegħda u lanqas hemm għalfejn jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Chris Fearne ħabbar ukoll li bħalissa hemm diskussjonijiet ma’ pajjiżi Ewropej sabiex mill-ġimgħat li ġejjin it-turisti li mhumiex imlaqqma u jkunu deħlin f’pajjiżna jippreżentaw biss test negattiv għall-Covid, flok iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Intant, waqt li kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti, il-Ministru għas-Saħħa qal li s’issa kollox qed juri li wara l-vaganzi tal-Għid mhux se jibqa’ l-obbligu tal-ilbies tal-maskra fil-klassijiet.