Bi ftehim mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, se jsiru xogħlijiet estensivi biex jiġi rrestawrat u rrijabilitat ġibjun fil-Mosta, li ilu mibni madwar ħamsin sena u jesa’ mat-tlett elef metru kubu ta’ ilma.
Biż-żmien, il-ġibjun ġarraf bosta ħsarat strutturali u n-nuqqas t’aċċess għamilha aktar diffiċli biex isir tindif regolari u adegwat.
Ix-xogħlijiet jinkludu t-twaqqigħ tas-saqaf eżistenti tal-konkos li jinsab taħt il-livell tat-triq, kif ukoll il-ħitan divisorji li jinsabu ġewwa. Wara jsir tindif ġenerali mill-ħama, ħmieġ u terrapin li nġema’ matul is-snin.
Mal-livell tat-triq se jinbena saqaf ġdid tal-konkos biex l-ispazju ta’ fuqu jkun jista’ jintuża għal skopijiet rikreattivi.
Il-ftehim iffirmat bejn Project Green u l-Kunsill Lokali tal-Mosta jaħseb biex dan l-ispazju ġdid ikollu użu multifunzjonali, li jaħseb għall-ħtiġijiet rikreattivi ta’ tfal żgħar, adolexxenti u adulti, billi joffri spazju għall-attività fiżika għall-adulti u żona ta’ logħob għat-tfal.
It-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, bankijiet fid-dell, u l-użu ta’ materjal li jirrispetta l-ambjent se joħolqu rkejjen rilassanti għar-residenti tal-madwar.
Project Green saħqet li d-disinn se jagħti prijorità lill-integrità strutturali, is-sigurtà, l-aċċessibilità u s-sostenibbiltà ambjentali.
Is-Sindku tal-Mosta, il-Perit Chris Grech qal li dan l-investiment se jiżgura l-aċċessibbiltà għal kulħadd.
“Dan huwa wieħed mill-ispazji ewlenin f’Ta’ Mliet fil-Housing Estate, il-Mosta. Il-kunsill Lokali dejjm xtaq li jinvesti biex jiġi ġġenerat dan l-ispazju pubbliku fejn hawn ġibjun, wieħed mill-akbar gwiebi fil-Mosta f’dan l-ispazju li hawn fuq is-saqaf tal-ġibjun.”