Żona mitluqa ta’ 1,000 metru kwadru, li tinsab fil-periferija ta’ San Ġwann, inbidlet fi ġnien pubbliku li jiffoka fuq l-importanza tad-dakkir u n-naħla Maltija.
B’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann u Project Green, Ġnien id-Dakkara huwa spazju ieħor aħdar miftuħ fil-komunità. Madwar ħames mija u sebgħin familja li jgħixu fl-inħawi jistgħu jaċċessaw dan il-ġnien b’mixja qasira.
Il-ġnien infetaħ mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri.
Kif spjegat is-Chief Operating Officer ta’ Prject Green, Ġnien id-Dakkara ser ikollu skop doppju, hekk kif se jinkludi siġar u arbuxelli b’aktar trab tad-dakra, kif ukoll santwarju għan-naħal f’żona speċifika.
“Kull min jiġi f’dan il-ġnien, se jkun qed jitħarreġ fuq id-dakra tan-naħla, kif ukoll għalxiex intagħżlu l-ispeċi. Nistgħu naraw ukoll linja ta’ ċipress li dawn ġew imħawla biex jipproteġu mir-riħ.”
Fl-istess ħin, il-ġnien joffri wkoll esperjenza ta’ edukazzjoni ambjentali għall-viżitaturi, li tkellem dwarha s-Sindku tal-lokalità.
“Illum ftaħna minn biċċa art mitluqa spazju miftuħ ieħor din id-darba b’tema edukattiva, l-importanza tan-naħla u d-dakkara.”
Il-ġnien fih varjetà rikka ta’ flora, bi 92 siġra u 276 arbuxelli, inkluż siġar taċ-ċipress, tal-ħarrub, tal-kasti, tal-palm, tal-ballut u tal-ġacaranda, flimkien ma’ ħxejjex aromatiċi magħżula biex jippromwovu d-dakkir.
Permezz ta’ dan l-investiment, Project Green għenet lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann jittrasforma għalqa traskurata, li tinsab maġenb triq arterjali, fi spazju pubbliku sigur u aċċessibbli.
Il-Ministru Dalli enfasizzat l-impenn tal-Gvern li jagħmel impatt ambjentali pożittiv.
“Irridu li dan il-ġnien ikun post li joffri edukazzjoni lit-tfal tagħna dwar il-bijodiversità, u dwar l-importanza tan-naħla Maltija. Iservi wkoll post ta’ rikreazzjoni fiżika u mentali għal dawk kollha li jżuruh.”