B’investiment ta’ €300,000, l-aġenzija Infrastruttura Malta flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta għamlet ġnien fuq il-bejt taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju fir-Rabat.
Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg.
F’dan il-ġnien ta’ tliet mija u ħamsin metru tħawlu seba’ mija u ħamsin siġra, arbuxelli u pjanti u dan il-proġett kien jinkludi fih wkoll it-tħawwil ta’ ħamsin siġra taż-żebbuġ madwar is-Seminarju.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja tal-Arċisqof, Michael Pace Ross, spjega kif dan il-ġnien issemma għal Fr Nicholas Cachia, li serva bħala Direttur Spiritwali fis-Seminarju għal sbatax-il sena: “Aħna bħala Knisja nemmnu li l-ispazji miftuħin li għandna, għandna nibżgħu għalihom u anke nħaddruhom, insebbħuhom biex jitgawdew anke mis-Seminaristi, f’dan il-każ fis-Seminarju, ukoll mill-istudenti u oħrajn li jiġu jgawdu ftit ħin ta’ mistrieħ u paċi, kemm jekk tkun tiela’ x-xemx, kemm jekk tkun nieżla, anke forsi wieħed jimmedita.”
Pace Ross ħeġġeġ sabiex fuq il-bjut tal-uffiċini u d-djar ikun hemm ġonna bħal dawn.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal kif bejn il-Gvern u l-Knisja saru diversi proġetti tul l-aħħar snin u semma kif l-aġenzija Infrastruttura Malta qed tkun kruċjali biex tagħmel proġetti sostenibbli: “Infrastruttura Malta u l-Ministeru għall-Infrastruttura ma jagħmlux biss it-toroq. Huma responsabbli wkoll minn inizjattivi illi jikkumpensaw il-ħidma li tkun għaddejja, bi spazji miftuħa, bi spazji li jkunu sostenibbli u improvements ambjentali.”
Ritratt: Kurja Maltija