Fuq il-mezzi tal-midja soċjali deheru jiċċirkolaw scarfs b’temi differenti; temi Maltin. L-artista tagħhom hija Julianne Marie Brincat.
ONE News tkellem ma’ Brincat fejn saħqet li l-arti fejn toħloq disinni kif ukoll il-pittura, jagħtu ħajja lill-iscarf bl-iskop li jsiru parti mill-individwu li jilbishom. Fil-ħsieb tagħha hemm l-idea, li l-individwu jilbes bicca arti għax hu magħmul minn bicca (jiġifieri drapp) fejn tkun trazmetta wkoll il-burdata, kultura u l-ħsibijiet permezz tagħha.
Kburija b’art twelidha u bl-istorja ta’ dan il-ġens, b’passjoni għall-arti, u l-crafts, Julianne ssawwar f’moħħha ħolm ta’ disinni li wara jsiru realtà fejn jittrattaw temi Maltin.
B’messaġġ liż-żgħażagħ Julianne tgħid: ”L-arti għalija huwa mezz ta’ kif nikkomunika ma’ ħaddiehor kif ukoll miegħi nnifsi. Wieħed joħroġ r-rabja, dieqa u ferħ f’biċċa arti li b’hekk tgħinek ħafna tul ħajtek kollha, għaliex l-iżvog tiegħek la darba esprimejtu, tħossok ferm seren. Tħossok liberu waqt li tkun qed toħloq u s-sens ta’ ħolqien jghatiek espressjoni ta’ dawn is-sensazzjonijiet, u tibqa tħares il-quddiem b’aktar ottimimu u pożittivita lejn il-futur biex tibqa toħlom u toħloq l-ideat tiegħek. L-arti tgħaqadna llkoll flimkien.”