Emanuel Abela ta’ 52 sena minn Ħal Tarxien tressaq il-Qorti wara li attakka il-fundatur ta’ għaqda li tgħin nies vulnerabbli u li hu stess kien jaħdem magħhau lil ħaddiem ieħor kollega tiegħu waqt argument li nqala’ bejniethom.
Huwa ġie akkużat li attakka lill-patri franġiskan u lil ħaddiem l-ieħor, li heddidhom li ser joqtolhom, kkawżalhom biża’ u fastidjahom. Huwa kien akkużat ukoll li għamel użu ħażin ta’ apparat tat-telekomunikazzjoni.
Fil-Qorti ħareġ kif l-akkużat kellu kellu argument mal-Patri Marcellino Micallef, tant li t-Tlieta huwa prova jattakkah u beda jheddu. Huwa kien ordnat ma jerġax jersaq lejn iċ-ċentru iżda dalgħodu huwa reġa mar u wara li għamel iżjed theddid qaleb mejda.
Għall-bidu huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda f’daqqa waħda tenna li huwa kien mar lura biex jiġbor l-affarijiet tiegħu. Stqarr kif huwa kien ilu jieħu d-droga għal 40 sena imma llum huwa ‘clean’. Spjega kif kien hemm argument u kien irrabjat għaliex sema’ lil kollega tiegħu jiġġakbinah u prova jagħmillu isem ħażin fuq ix-xogħol.
“Alla jaħfer lil kulħadd, allura hemm xi raġuni biex ma jaħfirx lili?” tenna l-akkużat fl-awla filwaqt li nnota kif huwa kien ċempel lill-qassis u talbu skuża. Dan tal-aħħar qallu li ħafirlu.
Huwa stqarr kif huwa kellu xogħol tajjeb iżda ħallieh warajh biex mar jgħin lil din l-għaqda, inaddaf it-toilets u jlesti l-kamra tal-ikel.
Wara li ngħata ċans jikkonsulta mal-avukat tiegħu huwa bidel it-tweġiba tiegħu għall-akkużi għal ammissjoni. Il-Qorti poġġietu taħt probation għal sentejn u imponietlu ordni biex ma jersaqx lejn vittmi għal dan l-istess perjodu.