Huwa ovvju li l-ebda problema ma tista’ tkun solvuta jekk l-ewwel u qabel kollox ma tkunx rikonoxxuta l-problema. Fi ftit kliem, jekk il-problema tinxteħet taħt it-tapit, qisha ma teżistix.
Ħames snin ilu, meta allura pajjiżna kien immexxi minn Lawrence Gonzi, għan-Nazzjonalisti l-problema tal-faqar kienet biss perċezzjoni. Qishom dawk li kienu jghixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar ma kinux jeżistu. Bħallikieku kulħadd kien qed jgħix ħajja diċenti, bla bżonnijiet ta’ xejn.
Il-Gvern preżenti għaraf il-problema u sa mill-bidu beda l-ġlieda kontra l-faqar. Il-ġlieda kontra l-faqar ma tintrebaħx bl-għoti tal-karità. Dawk iż-żminijiet ilhom li għaddew. Il-ġlieda kontra l-faqar ma tintrebaħx billi lil dak li ma jkollux x’jiekol, tagħtih ħuta. Tinrebaħ billi lil dak li ma jkollux x’jiekol tagħtih qasba u tgħallmu jistgħad.
Ċertament li kienu qegħdin jgħixu fil-faqar l-eluf ta’ ħaddiema li kienu qegħdin ifittxu xogħol u ma kinux isibuh. Li kienu jiddependu mill-benefiċċji soċjali. Kien għalhekk li l-gvern Laburista sa mill-bidu tal-legislatura beda ħidma kbira biex jinġibed investiment ġdid lejn pajjiżna biex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Illum kulħadd jaf li għandna l-inqas numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol minn meta bdiet tinġabar l-istatistika. Li tfisser li l-ebda Gvern preċedenti ma jista’ jiftaħar li fil-qasam tax-xogħol kiseb riżultati aktar pożittivi milli kiseb il-Gvern preżenti.
Żgur li ma jistax jiftaħar il-gvern preċedent. Biżżejjed jingħad li f’dawn l-aħħar erba’ snin, inħolqu aktar impjiegi milli fit-tliet legislaturi preċedent meħuda flimkien. F’dawn l-aħħar erba’ snin, inħolqu aktar impjiegi milli kienu nħolqu taħt gvern Nazzjonalista fi ħmistax-il sena sħaħ.
Statistika ppubblikata ftit tal-jiem ilu, turi li waqt li meta l-gvern Laburista ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, kien hawn 11,795 persuna li kienu jieħdu l-assistenza soċjali, f’Ġunju li għadda l-ammont ta’ nies dipendenti fuq l-assistenza soċjali, naqas għal 5,631. Naqas b’aktar min-nofs.
In-numru ta’ nies bla xogħol u li kienu jiddependu mill-benefiċċji soċjali, naqas minn 5,777 fl-2012 ghal 1,718 f’Ġunju li għadda.
Dan kollu juri li l-ġlieda kontra l-faqar qiegħda tintrebaħ. Iżda dan bl-ebda mod ma jfisser li l-problema m’għadhiex teżisti anke jekk in-numru ta’ nies li jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, f’dawn l-aħħar erba’ snin naqas b’aktar min-nofs (20,000). Li hu ċert hu li għandna għalfejn inħarsu lejn il-ġejjieni b’aktar fiduċja.
Inħarsu lejn il-ġejjieni b’aktar fiduċja għax l-investiment għadu ġej.
Inħarsu lejn il-ġejjieni b’aktar fiduċja għax il-finanzi tal-pajjiż qegħdin verament fis-sod billi qiegħed ikollna surplus u mhux defiċit.
Inħarsu lejn il-ġejjieni b’aktar fiduċja għax gvern li l-problemi mhux jixħithom taħt it-tapit, imma jiffaċċjahom u jsolvihom.