Bħalissa l-Kummissjoni Ewropea qed taħdem fuq ħames strateġiji sabiex tiġġieled kontra d-diskors ta’ mibegħda, fenomenu li llum issibu kuljum fuq il-midja soċjali.
Dan intqal mill-Kumissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli ma’ ONE News waqt konferenza organizzata mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżna.
Qalet, “Ovvjament inti f’Ewropa u f’dinja ngħid jien ta’ vjolenza, f’dinja ta’ hate speech inti ma jistax ikollok ugwaljanza. Il-Kummissjoni Ewropea diġà ħarġet b’ħames strateġiji għall-Ugwaljanza u fost dawn hemm ix-xogħol li qegħdin nagħmlu sabiex nindirizzaw il-kwistjoni tal-hate speech u vjolenza.”
Waqt din il-konferenza kien hemm preżenti l-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici, li qal kif dan il-Gvern ħadem biex neħħa l-libell kriminali u anke riċentament ħabbar l-ewwel strateġija kontra r-razziżmu.
Spjega, “U allura aħna qegħdin kemm jista’ jkun naħdmu biex inkomplu nedukaw lin-nies kontra l-hate speech. Wieħed mill-eżempji huwa l-Istrateġija Nazzjonali tar-Razziżmu, li għandna kemm neddejna, fejn għandha approach orizzontali, inkluż il-hate speech. Biex il-hate speech ma jibqax aktar parti mill-lessiku ta’ pajjiżna.”
Il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Elena Grech qalet kif il-Kummissjoni Ewropea poġġiet id-diskors tal-mibegħda bħala att kriminali.