Tard it-Tlieta filgħaxija l-Pulizija ġiet mitluba biex tassisti ħalli twaqqaf ġlieda kbira fi stabbiliment f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:20 tat-Tlieta filgħaxija fix-xatt ta’ Qui-Si-Sana.
Immedjatament fuq il-post waslu Pulizija tad-Distrett u segwewhom dawk tar-Rapid Intervention Unit.
Ritratti li waslu għand one.com.mt juru numru kbir t’uffiċjali tal-Pulizija fuq il-post sabiex jferrxu n-nies.
Intalbet ukoll l-assistenza ta’ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lil Kolombjan ta’ 32 sena mis-Swieqi, filwaqt li ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Minn informazzjoni li ksibna jidher li fl-argumenti setgħu intużaw xi fliexken tal-ħġieġ u skieken.
Intant, kelliem għall-pulizija kkonferma magħna li bħalissa bosta persuni qed jiġu mitkellma.
L-argument milli jidher qam wara li s-sidien tal-istabbiliment tfew il-mużika.