L-aħħar żviluppi u ġlied bejn il-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista kixfu ġlieda ġdida madankollu b’għeruq antiki f’Għawdex.
Dwar dan kitbet il-gazzetta Kullħadd hekk kif f’artiklu nnutat kif l-aħħar tentattiv tal-fazzjoni Busuttil biex tqaċċat ’il barra lill-eks Kap Adrian Delia u lil niesu ħalla riperkussjonijiet qarsa.
Ftit tal-jiem ilu ħareġ biċ-ċar kif il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil f’Għawdex permezz ta’ Chris Said kompliet taħdem sabiex lil dawk li kienu fuq quddiem biex jiddefendu lil Adrian Delia fis-sajf tas-sena l-oħra jitqaċċtu.
Hawnhekk il-gazzetta kienet qed tirreferi għall-Eks Sindku Nazzjonalista tal-Belt Victoria, Samuel Azzpardi fejn b’manuvri kkordinati issa se jkun qed jitneħħa mit-tmexxija tar-Reġjun ta’ Għawdex.
Dan hekk kif se jkun il-magħżul tal-fazzjoni tal-establishment Robert Tabone li bi block vote ċar favurih, issa se jkun qed jikkontesta lill-Partit fl-elezzjonijiet tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Ottubru.
Il-gazzetta Kullħadd tinnota kif din it-taqtigħa bejn Azzopardi u Tabone għandha għeruq antiki. Fil-fatt, l-artiklu jispjega kif fi żmien Eddie Fenech Adami l-Partit Nazzjonalista f’Għawdex kien maqsum bejn dawk li jappoġjaw lil Anton Tabone, missier Robert Tabone, u dawk li kienu wara Giovanna Debono.
L-establishment tal-Partit kien dejjem wara Tabone u anke jekk elettoralment Giovanna Debono kienet dejjem iktar b’saħħitha minnu.
Il-gazzetta tkompli tispjega kif tul iż-żmien l-establishment tal-Partit Nazzjonalista ħadem kemm felaħ biex jerġa’ jieħu t-tlettax-il distrett f’idu wara li kienet rebħitulhom Giovanna Debono.
Kien hawn li l-establishment tefa’ ħiltu kollha wara Chris Said, b’dawk ta’ Giovanna Debono jerħula wara Samuel Azzopardi u l-fazzjoni ta’ Adrian Delia meta Said innifsu tefa’ ismu fit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Issa li Samuel Azzopardi tqaċċat ’il barra mill-establishment permezz ta’ block vote mmanuvrat kontrih, dawk ta’ Giovanna Debono u li eventwalment imxew mal-fazzjoni ta’ Adrian Delia u Samuel Azzopardi, ntefgħu wara Alex Borg.
Borg li huwa iben l-eks Chief of Staff ta’ Giovanna Debono u wkoll membru ġdid tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qed ikun meqjus l-eredi naturali u l-isfida ewlenija ta’ Chris Said.
Fil-fatt hemm sorsi tal-gazzetta qed jgħidu li hemm biża’ kbira li Chris Said ma jkunx id-Deputat Nazzjonalista bl-akbar appoġġ f’Għawdex.
Il-gazzetta tkompli tgħid kif hawnhekk daħal feles l-attakk mill-establishment tal-Partit fil-konfont ta’ Borg fl-aħħar jiem.
Attakk fejn fih l-għaqdiet Repubblika, is-Civil Society Network u Manuel Delia fetħu attakk bla preċedent fuq Alex Borg u spiċċa ssejjaħ faxxista.
Dan dwar poll online mis-Civil Society Network u li fih ħarġu jheddu lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li se jiftħu partit ieħor li jieħu post il-Partit Nazzjonalista, liema poll Alex Borg ikkundannah.
Barra minn hekk, il-Kelliem uffiċjali tal-Partit, Peter Agius, ħareġ pubblikament jgħid li hu perikoluż li ċerti membri tal-Partit jiddevjaw mill-messaġġ li toħroġ it-tmexxija.
Rapporti oħrajn jixhdu li, wara l-post tiegħu fuq Facebook, Borg kien imsejjaħ fid-Dar Ċentrali għal laqgħa mat-tmexxija tal-Partit fit-tentattiv biex jagħlqulu ħalqu. Dan anke wara li Repubblika kkuntattjatu u ppruvat tagħmel l-istess mingħajr suċċess.
Jingħad li l-laqgħa fil-kwartieri Nazzjonalisti spiċċat ukoll ħesrem bit-trikkitrakki u għajjat li seta’ jinstema’ minn barra l-uffiċċju.
Dwar dan l-aħħar diżgwid fuq dan il-poll mis-Civil Society Network, kienu bosta l-opinjonisti li rreaġixxew. Fost dawn kien hemm l-Opinjonista Raphael Vassallo fejn f’artiklu fuq il-MaltaToday nnota l-istrateġija dgħajfa tal-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif poll fuq il-mezzi soċjali kixef dik li sempliċiment iddeskrivieha bħala ‘unbridgeable divide.’
Fil-konklużjoni tal-artiklu tiegħu Vassallo jispjega kif fil-Partit Nazzjonalista ma hemmx ċans realistiku għal-kompromess bejn il-fazzjonijiet, wisq inqas rikonċiljazzjoni.