L-attakk vjolenti fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħamrun, waqt li Bernard Grech ma tħalliex jidħol fis-sede tal-Partit tiegħu stess u ħalla partitarju Nazzjonalista midrub serjament, kompla jikxef il-beraħ l-qasma li teżisti bejn il-fazzjonijiet li jifformaw li qed jiddominaw l-Oppożizzjoni.
L-aggressjoni seħħet il-Ħadd li għadda waqt il-marċ ta’ San Gejtanu. Ir-raġel ferut, li kien jeħtieġlu saħansitra jiġi operat f’irkopptu l-leminija minħabba d-daqqiet li qala’, daħal fil-każin tal-PN biex jargumenta li l-Kap kellu dritt ikun hemm ġew.
Sadanittant partitarji Nazzjonalisti mill-fazzjoni tal-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia sostnew li ma kinux huma jew parti mit-tim tagħhom li kienu involuti f’din il-ġlieda.
Dan ħareġ minn screenshot li wasal għand ONE News minn sorsi fi ħdan grupp magħluq ta’ partitarji Nazzjonalisti fuq Facebook.
Hawnhekk partitarju, li hu viċin l-Eks Kap Nazzjonalista, tenna li “dawk kollha li qed jipprovaw iħammġu u jxewxu biex jagħtu din l-impressjoni, qed jgħinuna biss nidentifikaw min huma verament ix-xewwiexa fil-Partit.”
Din kienet referenza ċara għal fazzjoni oħra fil-Partit, dik tal-establishment. L-istess fazzjoni tal-establishment kienet responsabbli biex, fis-sajf ta’ tliet snin ilu, qaċċtet ’il barra lil Delia minn Kap u, minfloku, tpoġġa Bernard Grech.
Fl-istess grupp fuq Facebook, bosta Nazzjonalisti fakkru kif Adrian Delia kien ġralu l-istess fil-Każini Nazzjonalisti tan-Nadur u tal-Mellieħa, sakemm tħalla Kap.
F’Ġunju ta’ erba’ snin ilu, Delia kien tkeċċa ’l barra mill-Każin tan-Nadur minn qraba tad-Deputat Chris Said. Dan meta Delia u l-kanvasers tiegħu, fosthom Alex Borg, li llum hu wkoll Deputat Nazzjonalista, waqfu jixorbu fil-każin, li kien f’idejn qraba mill-familja ta’ Chris Said. Iżda din iż-żjara nbidlet fi ġlieda u nħoloq argument sħiħ.
Fil-Mellieħa, Adrian Delia saħansitra ma kienx tħalla jagħmel konferenza tal-aħbarijiet fil-każin minn Emvin Bartolo. Dan tal-aħħar kien l-istess persuna identifikata mill-mibki Eks Viċi Kap Nazzjonalista, Robert Arrigo, li darb’oħra ma ħallihx jitla’ fuq il-palk waqt rally tal-Partit f’Tas-Sliema fl-eqqel tal-kampanja elettorali.
Sadanittant l-aggressjoni vjolenti fil-Ħamrun nhar il-Ħadd, li ONE News irrapporta b’mod esklussiv l-għada filgħodu, sabet postha fil-midja kollha lokali fl-aħħar jiem, għajr għal dik tal-Partit Nazzjonalista stess fejn kien hemm skiet itarrax.
Minflok, ironikament, il-ġurnal In-Nazzjon irrapporta dwar il-“festa kkulurita” li kellhom il-Ħamruniżi.
L-istess sal-lum, kemm Bernard Grech u l-istess il-Partit Nazzjonalista baqgħu ma lissnu l-ebda kelma dwar dan kollu, anke jekk l-aggressjoni vjolenti seħħet fil-pubbliku u quddiem għajnejn il-Kap innifsu.
Bernard Grech, minflok, ħalla lill-partitarju tal-fazzjoni tiegħu jkompli jaqla’ d-daqqiet, waqt li hu qasam Triq il-Kbira San Ġużepp biex ikompli jippoża għar-ritratti u sussegwentement jidħol fis-sede tal-Każin tal-Banda San Ġużepp minn fejn qagħad isellem lill-folla mill-gallarija tiegħu.
AQRA AKTAR: