Il-każ ta’ ġlieda bejn tfajliet studenti fl-MCAST li xxandret f’filmat fil-media soċjali tqajmet fil-parlament illejla.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo qal lill-membru parlamentari nazzjonalista George Pullicino li l-awtoritajiet tal-MCAST ħadu azzjoni mill-ewwel sabiex jidentifikaw l-istudenti u jittieħdu passi dixxiplinarji mill-ewwel.
L-istudenti ġew sospiżi immedjatament mill-MCAST sakemm jitilgħu quddiem Bord tad-Dixxiplina li għandu jsir fil-ġranet li ġejjin biex jistabbilixxi dak li wassal għal dan l-aġir inaċċettabli.
Il-Ministru Bartolo qal li huwa ta’ dispjaċir kbir għall-MCAST li aġir bħal dan jista’ jtappan l-isem tal-eluf ta’ studenti tal-MCAST li jistudjaw b’mod responsabbli u rispettuż.
L-MCAST hija kommessa li l-istudenti kollha tal-MCAST jistudjaw f’ambjent sikur u ta’ rispett reċiproku.