L-akbar strajk mifrux madwar Franza kollha f’dawn l-aħħar snin mistenni jkompli matul il-jum hekk kif numru ta’ ħaddiema qed jipprotestaw kontra r-riformi fil-pensjonijiet.
Bosta ħaddiema qed jipprotestaw kontra pjanijeit tal-President Franċiż Emanuel Macron li jintroduċi skema ta’ pensjonijiet li se tissostitwixxi s-sistema attwali. Bħalissa, Franza għandha minn tal-inqas 40 skema ta’ pensjoni għall-etajiet u benefiċċji differenti.
Dawn il-protesti qed ixekklu s-servizzi tat-trasport hekk kif qed jiġu kkanċellati vjaġġi bil-ferroviji. Fl-istess ħin jidher li hemm ukoll xi tibdil f’titjiriet minn u lejn Franza li hemm skedati għal-lum.
L-operatur tat-trasport pubbliku u l-metro f’Pariġi qal li l-azzjonijiet industrijali se jibqgħu fis-seħħ sat-Tnejn li ġej, filwaqt li unjins oħra mistennija jiddeċiedu matul il-jum dwar il-pjanijiet tagħhom.
Huwa kkalkulat li aktar minn 800,000 persuna ħarġu fit-toroq il-Ħamis, filwaqt li ġew irrapurati atti vjolenti f’għadd ta’ bliet Franċiżi.