Il-qasma fil-Partit Nazzjonalista hija ċara. Membri tal-Eżekuttiv Nazzjonalista ħassewhom skomdi jwieġbu dwar il-Kap Bernard Grech u ma ċaħdux li hemm manuvri biex Charles Bonello jtellaq waħdu għal Segretarju Ġenerali.
Fost dawk li ma weġbux kien hemm Michael Fenech Adami, ħu d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u impjegat ta’ David Casa.
L-istess Kyle Mifsud, kunsillier Nazzjonalista fiż-Żurrieq u ħaġa waħda ma’ Roberta Metsola.
Anke d-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici kienet skomda twieġeb.
Bħalhom kien hemm ħafna oħrajn li baqgħu deħlin fid-Dar Ċentrali b’rashom baxxuta.
Fost dawk li staqsejna jekk għandhomx fiduċja dwar il-Kap kien hemm bint it-tezorier tal-Partit Nazzjonalista, Veronica Perici Calascione, li hi bint il-Viċi Kap Nazzjonalista Alex Perici Calascione.
Wara l-artiklu li kiteb Emmanuel Galea, missier is-sieħba ta’ Delia kontra Bernard Grech, u bil-Kap Nazzjonalista jarmi lil Galea billi jgħid li ma jafx min hu, anke jekk Galea, apparti li hu l-kunjatu ta’ Delia huwa wkoll attivist Nazzjonalista Għawdxi minn familja magħrufa, it-tensjoni u l-ġlied fil-Partit Nazzjonalista reġa’ ħareġ fid-deher fl-aħħar jiem.
Il-ġlied u l-konfużjoni qed jikkargaw meta bħalissa għaddejjin manuvri biex Charles Bonello, il-magħżul ta’ GonziPN, jidher li se jtellaq waħdu għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.