Il-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, li miegħu hemm affiljat il-Partit Nazzjonalista Malti, bħalissa huma mifni bi ġlied kbir fil-qalba tat-tmexxija tiegħu.
Dan hekk kif is-sit awtorevoli Politico rrapporta ġlieda kbira li seħħet dan l-aħħar bejn Manfred Weber, li hu l-President tal-Partit Popolari Ewropew, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li ġejja mill-istess familja politika.
Skont dan is-sit internazzjonali u indipendenti, il-ġlieda seħħet fil-kwartieri ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, fil-bidu tax-xahar li għadda.
Jingħad li l-konfront fil-qalb tal-EPP seħħ minħabba nuqqas ta’ qbil dwar id-direzzjoni politika tal-grupp u dan f’inqas minn sena ’l bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li ġej. Is-sena d-dieħla wkoll l-istituzzjonijiet prinċipali Ewropej iridu jagħżlu min se jkun qed imexxihom.
Skont sors li tkellem mas-sit Politico ngħad li preżenti f’din il-ġlieda fil-kwartieri tal-Partit Popolari Ewropew kien hemm bosta Kummissarji Ewropej u anke l-President tal-Parlament Ewropew, il-Maltija Roberta Metsola, flimkien ma’ uffiċjali oħrajn.
Persuna mill-Partit Popolari Ewropew stess li tkellmet ma’ Politico qalet li hemm “gwerra” bejn Manfred Weber u Ursula von der Leyen. Minkejja li t-timijiet taż-żewġ partijiet qed jgħidu li kollox sew pubblikament, l-imġieba ta’ Weber tixhed li l-istorja hija differenti.
Il-Politico sostna li jekk Von der Leyen tagħżel li terġa’ toħroġ għat-tieni darba għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea, se jkollha bżonn l-appoġġ tal-Partit Popolari Ewropew, immexxi mill-istess Weber. Dan filwaqt li din għandha tkun approvata mill-Parlament Ewropew fejn l-EPP ukoll għandu l-maġġoranza.
Fil-kurituri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea qed iddur il-kelma li Metsola issa jista’ jkun li qed timmira li tkun hi l-kandidata tal-EPP biex is-sena d-dieħla tieħu post Von der Leyen.
Mhuwiex xi sigriet li l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, hi ħabiba sew ta’ Weber, li erba’ snin ilu kien qed jikkampanja personalment biex ikun hu l-President tal-Kummissjoni Ewropea, minflok Von der Leyen.
Il-Kap tal-EPP, li ħabib sew tal-establishment Nazzjonalista f’pajjiżna, u wara li sitt snin ilu kien inġieb f’pajjiżna biex jindirizza mass meeting, spiċċa għamel lill-eks Kap Simon Busuttil bħala s-Segretarju tal-grupp, f’mossa li ma niżżlet xejn tajjeb.
Din ma kinitx lanqas l-ewwel kontroversja fil-Partit Popolari Ewropew taħt Weber, hekk kif ftit tax-xhur ilu twettaq rejd mill-pulizija proprju fil-kwartieri tal-grupp fi Brussell, b’rabta ma’ investigazzjoni fuq frodi finanzjarju li għadha għaddejja.
Dwar dan, iżda, ħadd mill-esponenti ewlenin tal-PN ma lissen kelma.